Rekluti ġodda fil-Korp tal-Pulizija u uffiċjali preżenti, jistgħu jħaddnu tattoos fuq riġlejhom u dirajhom mingħajr ma dawn jgħattuhom.
Ħabbar dan il-Ministru Byron Camilleri l-Ħamis filgħaxija permezz ta’ stqarrija fuq Facebook hekk kif spjega li tpinġija ma tiddeterminax il-kwalitajiet ta’ persuna, iżda persuna għandha tkun iġġudikata fuq ix-xogħol u l-professjonalità tiegħu jew tagħha.
Il-Ġimgħa filgħodu, ONE News iltaqa’ mad-Deputat Kummissarju Ramon Mercieca hekk kif spjegalna l-regoli saljenti li jinkludu din r-regoli l-ġodda marbuta mat-tpinġija fuq l-uffiċjali tal-Pulizija.
Fost oħrajn is-Sur Mercieca spjega magħna kif dawk l-uffiċjali kollha li jridu jagħmlu tpinġija, jridu jagħtu d-dettalji lill-Bord imwaqqaf apposta sabiex jiġi assigurat li t-tattoo timxi mal-regoli stabbiliti.
Huwa qal li“fis-sistema hemm wkoll reviewing board biex il-membri tal-Pulizija kollha jridu l-ewwel japplikaw u jagħmlu dikjarazzjoni u juruna eżattament it-tip ta’ tpinġija li se jkunu se jagħmlu. Ukoll jippreżentaw il-qisien tagħha biex aħna nkunu fiċ-ċert li t-tip ta’ tpinġija li jagħmlu ma tkun qed toffendi l-ebda nies mill-pubbliku li huma klijenti tagħna fl-aħħar mill-aħħar, la b’razza, la b’redika, la b’reliġjon jew inkella jkunu sessisti jew iwasslu messaġġ negattiv għal kuntrarju ta’ dak li jixtieq il-Korp tal-Pulizija.”
Intant filwaqt li uffiċjali tal-Pulizija issa jistgħu jkollhom tpinġija ma dirgħajhom u riġlejom, it-tattoos huma projbiti li jkunu fl-għonq, fil-pala tal-id, f’wiċċhom u f’rashom, ħlief għal raġunijiet mediċi jew interventi kosmetiċi essenzjali.
Spjega li “dan l-eżerċizzju sar fl-ispirtu li qed ikun hemm kandidati żgħażagħ ġodda li jkunu jixtiequ jissieħbu fil-Korp tal-Pulizija u għalkemm ikollhom ix-xewqa jew il-kwalifiċi kollha neċessarji u anke iktar mill- kwalifiċi kollha neċessarji kienu qed isibu impediment li jistgħu javvanzaw u jibdew karriera fil-Korp tal-Pulizija.
Fil-fatt, dwar dan l-aħħar punt, is-Sur Mercieca spjega kif bħalissa hemm sejħa miftuħa għal rekluti ġodda li jixtieq jissieħbu fil-Korp tal-Pulizija.
Saħaq li “wara li għadhom kif ħarġu r-riżultati tal-O’Levels għandna call for application miftuħa u allura nistieden lil dawk iż-żgħażagħ kollha li jixtiequ jagħmlu parti mill-familja tagħna li ngħidilhom li jekk għandhom it-tattoos jiġu sintendi proċessati biex jaraw jekk ikunx hemm xi ħaġa negattiva fil-messaġġ li jistgħu jwasslu imma jistgħu faċilment japplikaw biex jissieħbu fil-Korp tal-Pulizija.”
Intant dwar dawn ir-regoli l-ġodda kien hemm qbil anke maż-żewġ unjins tal-Pulizija biex b’hekk bdew jidħlu fis-seħħ minnu fih.
Ma’ One News Ray Zammit, li huwa l-President tal-Police Officers Union fi ħdan il-General Workers Union faħħar dan il-pass ’il quddiem fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
Zammit qal li “aħna bħala POU naqblu magħha din tat-tattoos tal-Pulizija għax se tagħti ċ-ċans barra li jidħlu japplikaw aktar Pulizija se timxi ma’ pajjiżi Ewropej li diġà għandhom regoli favur t-tattoos.”