Sittin student minn SkolaSajf u l-Girl Guides ingħataw l-opportunità biex jaraw mill-qrib il-ħidma tal-voluntiera, biex bejta tal-fkieren fir-Ramla l-Ħamra, tkun protetta.
Dan f’attività li saret b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Ambjent, in-NatureTrust u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Il-karattri ‘Maggie l-fekruna’ u ‘Stephen il-gawwi’, spjegaw lit-tfal il-ħsara li ssir lill-ħajja marittima, u kif wieħed għandu jkun responsabbli meta jarmi l-iskart.
It-tfal qasmu l-ideat tagħhom dwar soluzzjonijiet sostenibbli, f’kontribut dirett favur l-ambjent.
Preżenti għal din l-attività kien hemm il-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, li qalet kif attivitajiet bħal dawn juru l-importanza tal-edukazzjoni fost it-tfal, li posthom mhuwiex biss fuq il-bank tal-iskola.
Din l-attività saret ukoll bħala part mill-kampanja, Saving Our Blue, li se tibqa’ għaddejja sas-17 ta’ Settembru. Dawk kollha li huma interessati li jipparteċipaw, jistgħu jagħmlu kuntatt fuq il-paġni soċjali ta’ Facebook jew Instagram.