Malti, li kien mfittex fl-Italja għal akkużi ta’ traffikar ta’ droga, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li l-Qorti bdiet is-smigħ mill-ġdid tal-proċeduri tal-mandat ta’ arrest Ewropew kontrih.
John Spiteri, ta’ 56 sena mill-Qrendi, ġie nvestigat wara li f’Diċembru li għadda kien fost 16-il persuna li l-Pulizija arrestat f’Katanja dwar ċirku ta’ traffikar ta’ droga bejn Malta u Sqallija.
Matul ir-rejd hekk imsejjeħ ‘Operation La Vallette’ l-Pulizija Taljana kkonfiskat aktar minn 400 kilogramma droga.
Huwa qed jiġi mfittex mill-awtoritajiet Taljani biex jiffaċċja akkużi ta’ traffikar ta’ droga, fost oħrajn.
Fi tmiem is-seduta ta’ tliet sigħat, Spiteri ngħata l-libertà proviżorja b’depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €30,000.
Huwa ġie ordnat ukoll jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija kuljum.