Raġel ta’ wieħed u ħamsin sena miż-Żejtun miet wara li ttajjar minn karozza li baqgħet sejra fiż-Żejtun.
Il-każ seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar neqsin kwart fi Triq Anton Buttigieg fiż-Żejtun.
Il-Pulizija kkonfermat dak li rrapporta one.com.mt, jiġifieri li l-każ huwa wieħed ta’ hit and run.
F’kummenti lil midja minn fuq il-post, il-kelliem tal-Pulizija Brandon Pisani spjega li għaddejjin l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, hekk kif instabu biċċiet ta’ karozza.
Barra minn hekk, fl-investigazzjonijiet tagħha l-Pulizija qed tevalwa l-kameras tas-sigurtà f’din it-triq.
Fuq il-post hemm membri mill-Korp tal-Pulizija u anki tim mediku.
Dawn tal-aħħar iċċertifikaw lir-raġel mejjet fuq il-post.
Fuq il-post kien hemm ukoll tim mill-Forensika tal-Pulizija.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Marsanne Farrugia.