Aktar minn tmien mitt student qed igawdu minn klassijiet ta’ reviżjoni b’xejn għas-sessjonijiet ta’ Settembru tal-O Levels.
Dawn il-klassijiet qed isiru għad-disa’ sena konsekuttiva f’inizjattiva bla ħlas tal-Jobsplus taħt il-proġett tal-Youth Guarantee, iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.
F’disa’ snin gawdew aktar minn ħamest elef student.
Il-proġett joffri lezzjonijiet fis-suġġetti tal-Bijoloġija, l-Ingliż, il-Malti, il-Matematika, u l-Fiżika.
Il-lezzjonijiet bdew mit-Tnejn, ħamsa u għoxrin ta’ Lulju, u se jibqgħu għaddejjin fuq medda ta’ ħames ġimgħat f’erba’ ċentri madwar Malta u ċentru ieħor f’Għawdex.
L-istudenti setgħu jagħżlu li jieħdu klassijiet f’massimu ta’ tliet suġġetti, inkluż wieħed tax-xjenza.
Wieħed mill-istudenti tkellem dwar il-benefiċċji li qed jieħu minn dawn il-klassijiet bla ħlas.
“Dawn ir-revision classes qed jgħinuni ħafna. L-attenzjoni individwali hija importanti ħafna għalija u qed nużaw past papers li jagħtuna b’xejn.”
Waqt żjara f’waħda mill-klassijiet fejn qed isiru l-lezzjonijiet, il-Ministru għall-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, Clifton Grima, qal li din l-inizjattiva tħeġġeġ lill-istudenti biex ma jaqtgħux qalbhom u jibqgħu għaddejjin bil-vjaġġ edukattiv tagħhom.
“Dawn iż-żgħażagħ għandhom l-opportunità li jingħataw lezzjonijiet b’xejn, li jistgħu jsiru kemm b’mod fiżiku fiċ-ċentri madwar Malta u Għawdex jew inkella online permezz tal-għalliema li għandhom il-warrant u qed jagħtu t-taħriġ neċessarju biex wieħed jikseb marki importanti li jgħinu f’dak li huwa l-iżvilupp sħiħ tal-istudenti tagħna u allura dawn jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal li għal dan il-proġett ġew investiti aktar minn miljun u erba’ mitt elf ewro mill-Fond Soċjali Ewropew.
“Ċifra importanti li l-Gvern se jkompli jinvesti anki bi programmi ġodda. Għaliex? Għax nemmnu li t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna għandhom jingħataw l-għodda kollha biex jirnexxu.”
L-istudenti li qed jattendu dawn il-klassijiet bla ħlas ikollhom aċċess għal filmati u testijiet tat-tagħlim online u jingħataw ukoll karti tal-eżamijiet passati b’xejn.