L-Arċidjoċesi ta’ Malta rreġistrat surplus ta’ €3.4 miljun għas-sena finanzjarja tal-2021.
F’konferenza tal-aħbarijiet, intqal li dan kien riżultat tad-divident mill-bank APS, li huwa entità tal-Arċidjoċesi, minn bejgħ ta’ proprjetà, u mill-ġbir mill-parroċċi.
Is-surplus ġie rreġistrat wara dħul ta’ €6.9 miljun.
Is-Segretarju Amminstrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, qal li s-surplus irreġistrat se jservi sabiex matul din is-sena jkompli jsostni l-ħidma tal-Knisja.
L-Arċidjoċesi qalet li, minkejja li l-ġbir fil-knejjes ma laħaqx il-livelli ta’ qabel il-pandemija, żdied b’sitta u għoxrin fil-mija meta mqabbel mal-2020, sena li matulha l-knejjes kienu ngħalqu għal tliet xhur kawża tal-imxija.
Intqal ukoll li d-dħul minn donazzjonijiet, kirjiet ta’ proprjetà, attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi, u fondi pubbliċi biex jitmexxew l-iskejjel tal-Knisja żdiedu kollha.
L-iżviluppi pożittivi fil-qasam turistiku, li qiegħed jirkupra, ukoll ħalla effetti tajjeb fuq il-finanzi tal-Knisja f’Malta.
Matul is-sena li għaddiet ġiet irreġistrata żieda fl-infiq min-naħa tal-Knisja ta’ erba’ miljun u nofs ewro fuq is-sena ta’ qabel minkejja li l-ispiża fuq il-manutenzjoni, ir-restawr, u l-konservazzjoni naqsu b’aktar minn erba’ mitt elf ewro.
L-Arċidjoċesi ħallset miljun u tmien mitt elf ewro f’taxxi.