Wara waqfa temporanja, l-avventura l-ġdida ta’ HazZzard ser tirritorna fl-iskeda tal-Ħarifa fuq ONE. Tkellimna ma’ Tonio Camilleri, wieħed mill-produtturi tal-programm, fejn spjegalna għaliex il-programm ma xxandarx matul is-sentejn li għaddew.
Li nieqfu temporanjament minħabba ċ-ċirkustanzi tal-pandemija kienet, ħa nuża espressjoni kontradittorja, deċiżjoni iebsa ħafna u faċli fl-istess ħin. Iebsa għaliex ridna naċċettaw il-fatt li konna ser ngħixu ‘l bogħod mill-avventura li aħna tant inħobbu, u faċli għaliex bl-ebda mod u fl-ebda mument ma’ ridna nirriskjaw is-saħħa u s-sigurta tal-parteċipanti u l-kru, f’ nofs pandemija.
TONIO CAMILLERI – PRODUTTUR
Tonio spjegalna li peress li HazZzard iżur postijiet remoti, ħafna drabi l-eqreb sptar ikun mili ‘l bogħod, filwaqt li l-livell tal-isptarijiet f’postijiet bhal dawn jaf ikun ta’ livell baxx u għalhekk it-tim ma’ setax joffri livell ta’ saħħa tajjeb f’każ ta’ bżonn.
Matul dawn is-sentejn, it-tim tal-produzzjoni ta’ HazZzard ħadem qatiegħ sabiex din is-sena fl-għaxar edizzjoni it-telespettaturi jilqgħu lura fi djarhom dan il-programm u jistennew avventura eċċitanti f’destinazzjoni mill-isbaħ, ‘il bogħod ħafna minn xtutna.
Aktar informazzjoni ser tingħata matul il-ġimgħat li ġejjin.