L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, uża l-paġna tiegħu fuq il-Facebook biex jilmenta li l-aħbarijiet tal-istazzjon televiżiv tal-Partit Nazzjonalista nnifsu ċċensurah.
Fl-istess żmien li l-Partit Nazzjonalista jilmenta kontinwament jekk xi ħaġa li jkun għamel hu ma tkunx irrapportata, ironikament huwa n-NET Television stess li editorjalment ħass li ma kienx hemm il-ħtieġa li jirrapporta stqarrijiet li ħareġ Kelliem tal-Partit Nazzjonalista.
Bħala l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport, il-Mobilità, l-Avjazzjoni, u l-Proġett Kapitali tal-PN, Adrian Delia ħareġ stqarrija dwar it-trasport u n-NET iddeċieda li ma jirraportahiex. Delia ma ħadhiex tajjeb u għadda l-battuti li kellu jgħaddi fuq il-Facebook. Qal li t-trasport, it-traffiku u t-toroq kienu fil-punti ewlenin tal-bulettin tan-NET News u ġie rrappurtat x’qal il-Ministru, l-eks Prim Ministru Alfred Sant, u l-President tal-Malta Hotels and Restaurant Association. Madankollu, sfortunatament ma ġietx irrapportata l-istqarrija tiegħu. Kien għalhekk li mbagħad kellu jirrikorri għall-Facebook biex jinforma lill-pubbliku hu stess.
Dan ġara ftit tal-jiem wara li Adrian Delia ħareġ jappoġġja lil Robert Arrigo, li tkellem dwar kif bħala Viċi-Kap kien stmat ħażin u mwarrab minn nies qrib il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech. Anke Robert Arrigo kien iċċensurat.
Sorsi fil-PN ikkonfermaw lil ONE News li, kulma jmur, il-Kap tal-PN Bernard Grech u dawk qrib tiegħu qed jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex isikktu, jeskludu, u jiċċensuraw lil kull min iqisuh bħala li ma jarax mija fil-mija għajn m’għajn mal-Kap.
