San Ġiljan JP Projects rebħu l-kompetizzjoni KO għas-seba’ darba f’dawn l-aħħar tmien snin, hekk kif fil-finali li saret l-erbgħa filgħaxija fil-Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq għelbu lil Neptunes Videoslots bl-iskor ta’ 13-10.
Rebħa importanti li fissret ukoll l-ewwel unur taħt it-tmexxija tal-kowċ tagħhom Zeljko Kovacic.
Min-naħa tagħhom Neptunes kienu għadhom kemm bidlu l-kowċ hekk kif Dorian Pisani ħa post Jovan Popovic, b’ta’ l-ewwel ftit kellu żmien isib saqajh fil-kariga l-ġdida.
San Ġiljan bdew tajjeb hekk kif rebħu l-ewwel sessjoni 5-3. Risposta ta’ Neptunes fit-tieni sessjoni, bit-team mill-Balluta jirbaħ 4-1 bi skor totali ta’ 7-6 favur Neptunes sal-intervall.
Iżda San Ġiljan reġgħu irreaġixxew fit-tielet sessjoni, sessjoni li rebħu 4-1.
Kumbattuta l-aħħar sessjoni, bil-ġiljaniżi joħorġu rebbieħa 3-2 għal skor finali ta’ 13-10.
Fi tmiem il-finali, il-captain Matthew Zammit ġie ppreżentat bit-trofew fost iċ-ċelebrazzjonijiet tal-plejers u partitarji ta’ San Ġiljan minn Joe Agius, Chief Technology Officer fi ħdan il-Bank of Valletta u Kal Galea, Viċi President tal-Assoċjazzjoni Sport Akwatiku ta’ Malta.
L-aħjar skorers kienu: Nikolai Żammit (San Ġiljan), Jake Muscat (Neptunes) & Alec Fenech (Neptunes) kollha b’erba’ goals kull wieħed.
Referees: Luca Bianco & Massimo Angileri