Mill-1921, il-popolazzjoni f’pajjiżna żdiedet b’iżjed minn 300,000.
Dan ħareġ mir-rapport preliminari taċ-ċensiment tal-2021.
Mitt sena ilu, il-popolazzjoni ta’ Malta kienet ta’ iżjed minn 212,000 persuna. Dan filwaqt li, skont iċ-ċensiment tal-2021, il-popolazzjoni bħalissa hija ta’ kważi 520,000.
Mitt sena ilu, in-nisa f’Malta kienu iżjed mill-irġiel, iżda s-sitwazzjoni, skont dan l-aħħar ċensiment, issa nqalbet.
F’dan il-perjodu, il-popolazzjoni tal-irġiel żdiedet b’aktar minn 167,000 persuna.
Fl-istess waqt, f’temp ta’ mitt sena, il-popolazzjoni tan-nisa żdiedet b’iżjed minn 140,000.
L-akbar bliet mitt sena ilu kienu l-Belt Valletta, fejn kien hemm iżjed minn 22,000 persuna. Wara kien hemm Tas-Sliema, b’iżjed minn erbatax-il elf persuna, u Bormla kienet it-tielet l-akbar lokalità, b’popolazzjoni ta’ aktar minn minn 11,000.
Mitt sena wara, il-Belt Valletta u Bormla kellhom tnaqqis kbir fil-popolazzjoni tagħhom. Fi żmien mitt sena, il-belt kapitali kellha tnaqqis ta’ iżjed minn 17,000 persuna, waqt li f’Bormla kien hemm tnaqqis ta’ kważi 7,000. F’Tas-Sliema kien hemm żieda ta’ aktar minn 5,000 persuna.
L-ebda tlieta minn dawn il-lokalitajiet m’għadhom fil-lista tal-akbar tliet lokalitajiet ta’ pajjiżna. L-akbar tliet lokalitajiet bħalissa huma San Pawl il-Baħar, Birkirkara, u l-Mosta, f’dik l-ordni.
Fi żmien mitt sena, żdiedu diversi lokalitajiet f’pajjiżna. Fl-2021 kien hemm 54 lokalità, filwaqt li bħalissa hawn 68 lokalità.
Dan ifisser żieda ta’ 14x-il lokalità, fosthom il-Fgura, ix-Xgħajra, is-Swieqi, u l-Imtarfa.