Ġnien ġdid fuq parkeġġ mifrux fuq ħames mitt metru kwadru, qed jagħti ħajja ġdida lill-qalba tal-komunità li tgħix madwar Misraħ Is-Sebgħa ta’ Ġunju 1919, fil-Ħamrun.
B’investiment ta’ madwar miljun u nofs ewro, dan huwa spazju miftuħ u mħaddar ieħor għar-residenti, f’żona li qabel kienet tintuża biss għall-parkeġġ. Filwaqt li l-parkeġġ ma ntilifx, issa din iż-żona nbidlet fi spazju mħaddar qalb il-bini.
Dan ir-roof garden huwa aċċessibbli għal kulħadd anke permezz ta’ lift, u qed jagħti ambjent residenzjali isbaħ, u kwalità ta’ ħajja aħjar, lir-residenti f’din iż-żona nieqsa minn postijiet ta’ rikreazzjoni.
Dan il-proġett ġie ffinanzjat mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali u amministrat minn GreenServ, li wettqet ukoll it-tħejjijiet strutturali biex il-parkeġġ ta’ taħt il-ġnien ikollu charging points għall-vetturi elettriċi fiż-żmien li ġej.
Fil-proġett intuża materjal sostenibbli, b’bankijiet tal-aluminju riciklat u injam minn foresti sostenibbli. Twaħħlu wkoll strutturi għad-dell u li fihom hemm integrat numru ta’ pannelli solari biex jiġġeneraw l-elettriku għad-dawl tal-ġnien u għal USB charging points għall-iċċarġjar tal-mobiles u apparat eletroniku ieħor.
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca spjega kif dan huwa proġett ieħor ta’ GreenServ biex toħloq spazji ta’ rikreazzjoni aċċessibli minn kulħadd fiċ-ċentri l-aktar urbani ta’ Malta.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan il-Gvern qed ikompli jpoġġi t-tħaddir taż-żoni urbani u l-ħarsien tal-ambjent naturali ta’ pajjiżna fuq quddiem nett tal-aġenda nazzjonali għas-snin li ġejjin, b’impenn sħiħ għal arja aktar nadifa, lokalitajiet aktar sostenibbli u kwalità ta’ ħajja aħjar.