Sbatax-il każin tal-banda se jieħdu finanzjament biex jorganizzaw attività mużikali, grazzi għal ftehim bejn is-Soċjetajiet Mużikali u l-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar.
Parti mis-somma se tingħata f’fondi addizzjonali jekk l-attività organizzata tkun ambjentalment sostenibbli.
L-iffirmar sar waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie spjegat li dan il-ftehim ta’ kooperazzjoni mistenni jissarraf f’aktar kunċerti u servizzi mużikali li joffru l-każini tal-banda fil-komunitajiet.
Il-President tal-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar, Jesmond Aquilina, qal li l-Kunsill qed jaħdem fuq inizjattivi ġodda li jissarrfu f’ħajja aħjar għar-residenti tar-Reġjun.
Qal, “Inħoss sodisfazzjon kbir meta nara tmintax-il banda li qegħdin jipparteċipaw magħna f’din l-ewwel attività bil-kollaborazzjoni tal-baned li għandna fir-reġjun. Żgur li mhux ħa tkun l-aħħar waħda. Ħassejna l-ħtieġa li nkomplu nagħtu spinta l-kultura fil-lokalitajiet tagħna u ma tista’ tmur imkien aħjar jekk ma tmurx fis-soċjetajiet mużikali biex inkomplu nagħmlu dawn l-attivitajiet. ”
ONE News tkellem mal-President tal-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri, Sarah Farrugia Ablett li qalet kif b’dawn il-fondi se jtellgħu attività mużikali marbuta mal-kultura.
Hija stqarret, “Ninsabu ovvjament grati b’din l-opportunità mhux biss b’dan il-fond imma l-kunsill lokali dejjem ikun hemmhekk disponibbli sabiex jgħinna. B’dan il-fond tkun iktar faċli għalina biex norganizzaw xi attività fil-każ tagħna li aħna każin mużikali tal-banda ta’ San Ġorġ martri nkunu nistgħu norganizzaw attività kulturali. ”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, innutat kif dawn il-fondi se jgħinu lill-każini tal-banda jorganizzaw attivitajiet li jitgawdew kemm mill-komunità tan-Nofsinhar, kif ukoll mit-turisti.
Hija tenniet li għandna nkomplu niċċelebraw il-kultura tagħna u nippreservawha għall-ġenerazzjonijiet futuri.