Fl-aħħar għaxar snin, traħħsu mat-300 mediċina differenti wara li nstab li kienu għoljin fil-prezz inġustament. Dan kien possibbli permezz tax-xogħol utli li twettaq l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarjiet tal-Konsumaturi, l-MCCAA.
Riċentament l-Awtorità kellha rwol ċentrali fit-tnaqqis ta’ mediċina partikolari tal-kanċer, li f’Malta kienet tinbiegħ aktar minn seba’ darbiet ogħla milli tinbiegħ fl-ispiżeriji f’pajjiżi oħra Ewropej.
Fil-fatt, il-mediċina kienet tinbiegħ għal tmint elef ewro. Dan il-prezz għoli ħasseb lill-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, li tgħin lil bosta pajenti tal-kanċer. Il-Fondazzjoni, għaldaqstant, ġibdet l-attenzjoni mal-Ministeru għad-Drittijiet tal-Konsumaturi.
Wara l-investigazzjoni tal-MCCAA, il-prezz traħħas b’mod sostanzjali, u issa tniżżel għal sebgħa u sebgħin fil-mija orħos minn dak li kien. ONE News tkellem ma’ Dr Phyllis Bezzina, li hija d-Direttur tal-Ilmenti u l-Konċiljazzjoni fi ħdan l-Awtorità. Hija spjegat li l-mediċina hija prodott essenzjali, u għalhekk l-MCCAA tagħmel minn kollox sabiex dan il-prodott ikun aċċessibbli bi prezz ġust.
Fi kliem Dr Bezzina: “Bħala awtorità nassiguraw li l-mediċina tkun aċċessibli. Issa, meta ngħidu ‘aċċessibbli’ ma tfissirx biss li l-mediċina tkun fis-suq u tista’ tinxtara, imma li tkun fis-suq bi prezz ġust.”
Hija qalet li wara li l-Awtorità tirċievi l-ilment, tanalizza l-prezzijiet tal-prodott fi swieq barranin, u minn hemm issib il-medja tal-prezzijiet sabiex dan ikun jista’ jitqabbel mal-prezz f’Malta.
“Meta jiġi determinat li l-prezz tal-bejgħ f’Malta huwa sostanzjalment ogħla minn dak il-prezz tal-medja, l-Awtorità tibda’ djalogu mal-importatur tal-mediċina hawn Malta bl-għan li l-mediċina torħos.”
Hija qalet li l-mediċina hija prodott li jiġi importat kważi kollu kemm hu minn pajjiżi barranin, u għalhekk il-prezz tagħha huwa sensittiv għal fatturi esterni.
Minkejja dan, fl-aħħar għaxar snin l-Awtorità xorta waħda ħadmet sabiex mat-tliet mitt mediċina jorħsu għall-benefiċċju ta’ min ikollu bżonnhom.