Attività f’Ta’ Qali fetħet l-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb għal din is-sena.
Waqt din l-attività tkellimna mad-Direttur tal-Agrikoltura, Marco Dimech, li qal li huwa importanti ħafna li napprezzaw aktar il-ħidma tal-bidwi Malti, li qed iħabbat wiċċu mal-effetti ta’ diversi sfidi bħall-imxija tal-Covid 19 u l-gwerra fl-Ukrajna. Dawn iċ-ċirkustanzi jkomplu jagħmluha diffiċli għas-settur, li diġà għandu sfidi minħabba d-daqs tal-pajjiż u l-klima inġenerali, fost l-oħrajn.
Darren Borg, li huwa l-Assistent Direttur fid-Direttorat tal-Agrikultura, tkellem dwar il-karatteristiċi partikulari tal-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb ta’ din is-sena.
Fi kliemu: ‘Kienet sena kkaraterizzata b’nuqqas kbir ta’ mard, jiġifieri dejjem tgħin favur il-kwalità tal-għeneb. Fejn snin oħra jkun hemm mumenti naqra kritiċi, il-kundizzjoni tal-għeneb kienet waħda tajba, jiġifieri jkun hemm inqas bżonn ta’ kura u pestiċidi. Bħala perjodu se tibda fl-istess żmien tas-soltu jew kemm kemm iktar bikrija minħabba t-temp sħun li qed jagħmel.’
Tkellem ukoll dwar ix-xogħol tal-għassara fl-istadju ta’ wara l-ħsad tal-għeneb mid-dwieli.
‘Minn issa ’l quddiem ikun l-iktar żmien li fih xogħol għal-għassara. Li jiġri huwa li jintgħażel il-mument opportun li tinqata’ dik l-għenba partikolari, għax kull għeneb jinqata’ fi żmien partikulari skont l-aħjar li jsir.
Jinqata’ l-għeneb, jintgħasar, u skont xi nbid se jsir imbagħad, hemmhekk il-proċess ikun differenti.
Imbagħad għandek il-proċess ta’ fermentazzjoni, li jsir taħt temperatura kkontrollata f’perjodu ta’ madwar ġimagħtejn. Hemmhekk għandek l-inbid b’mod li ma jkunx lest għal kollox u l-proċess imbagħad ta’ xhur sakemm jiġi kompletament lest sabiex imur fuq is-suq.’
Fis-snin li għaddew, il-Gvern offra diversi inċentivi lill-bdiewa li għandhom l-art li tista’ tinħadem għad-dwieli. Dan għamlu sabiex jgħin lill-industrija tal-inbid f’pajjiżna u b’hekk tkompli żżid fil-produzzjoni.
Il-Ministru responsabbli mill-Agrikoltura, Anton Refalo, fil-preżenza tal-produtturi tal-inbid lokali, qal li din is-sena kienet ikkaratterizzata minn nuqqas kbir ta’ xita matul ix-xitwa u r-rebbiegħa, tant li x-xita li għamlet fil-bidu tas-sajf iktar għamlet ħsara milli ġid. Dan wassal biex dan is-sajf ikun iktar diffiċli għat-tkabbir tal-għeneb.
Il-Ministru Refalo appella biex napprezzaw aktar is-sagrifiċċji li jagħmel il-bidwi Malti biex ikabbar u jipproduċi l-għeneb għal inbid li huwa tant imfittex u rinomat.