Mustafa El Madhoun, Bulgaru ta’ 28 sena, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat b’importazzjoni tad-droga li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.
L-arrest seħħ il-Ħadd filgħaxija, meta allegatament l-akkużat inqabad bi 38 kilo droga suspettata kokaina, eroina u kannabis. Skont il-Pulizija, din id-droga tiswa €1.5 miljun.
Il-Pulizija irċeviet informazzjoni dwar vann li kien għadu kif telaq minn Sqallija u kien fi triqtu lejn Malta, allegatament iġorr id-droga. Mal-wasla tiegħu f’Malta, it-Taqsima tal-Klieb tal-Pulizija eżaminaw il-vann, u l-klieb indikaw li kien hemm xi ħaġa suspettuża.
Warar tfittxija fil-vann, il-Pulizija sabet kompartamenti foloz u droga mqassma f’numru ta’ boroż. Hawnhekk instabu mal-ħames kilogrammi kokaina, erba’ kilogrammi eroina u 29 kilogramma kannabis.
Fil-Qorti, id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, filwaqt li l-akkużat wieġeb mhux ħati. Apparti li nżamm arrestat, il-Qorti rdnat ukooll għall-iffrizar tal-assi tal-Bulgaru.