Il-Kummissjoni Maltija għall-Films nediet attrazzjoni ġdida għal pajjiżna: dinosawri li ġejjin minn “Jurassic World – Dominion” – film li nġibed riċentement f’pajjiżna u li ddebutta fis-swali taċ-ċinema f’Ġunu li għadda.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, tħabbar li dawn id-dinosawri kbar ser jservu ta’ attrazzjonijiet fi bliet u rħula fejn inġibed il-film, iġifieri fil-Belt Valletta, il-Birgu u l-Mellieħa. Dawn id-dinożawri se jkunu fil-postijiet imsemmija sal-aħħar tas-sajf.
Madwar 1,000 persuna Maltija u barrannija ħadmu fuq dan il-film, li fih Malta ġiet interpretata bħala Malta, u mhux bħala pajjiż ieħor.
Il-Ministru Bartolo qal li din l-inizjattiva ser tkun opportunità biex pajjiżna jkompli jippromwovi lilu nnifsu bħala destinazzjoni eċċellenti fid-dinja taċ-ċinema u tat-turiżmu relatat mad-dinja tal-films.