Tħabbret ir-raba’ edizzjoni tal- Malta Aviation Conference & Expo, magħrufa fil-qosor bħala l-MACE, li se ssir bejn il-5 u s-6 ta’ Ottubru f’San Ġiljan.
L-għan ewlieni tal-konferenza huwa li jinħoloq ambjent ta’ kollaborazzjoni u kooperazzjoni għall-mexxejja fil-qasam tal-avjazzjoni biex jgħinu lil xulxin jiksbu s-suċċess u jissaħħu hekk kif l-industrija issa reġgħet ħadet ir-ruħ wara l-perjodu diffiċli li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19.
Wara li s-sena li għaddiet il-konferenza ħarset lejn modi kif setgħet tirriġenera l-industrija, din is-sena se tkun qed tħares lejn kif l-istess industrija tista’ tkompli tespandi u tkabbar lilha nnifisha permezz tat-tema ‘Gaining Altitude’.
Dawk kollha li se jattendu se jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw f’diskussjonijiet u dibattiti, jiltaqgħu ma’ fornituri tal-industrija, u jiddiskutu ma’ uffiċjali regolatorji, professjonisti fl-industrija, u esperti varji oħrajn.
Jonathan Dalli, il-Kofundatur tal-MACE u l-Kap Eżekuttiv ta’ The Concept Stadium, spjega li qed isir dak kollu li huwa possibli biex il-konferenza tal-avjazzjoni f’pajjiżna tkompli tikber.
Qal, “L-iskop tal-MACE huwa li tgħaqqad l-industrija flimkien. It-tema ta’ din is-sena hija ‘Gaining Altitude’, biex nġibu esperti barranin u anke dawk lokali biex flimkien jiddiskutu l-isfidi ta’ din l-industrija u jkomplu jippromwovu l-bandiera Maltija bħala waħda ta’ għażla għall-avjazzjoni.”
Il-Kap Eżekuttiv tat-Transport Malta, il-Brigadier Jeffrey Curmi, qal li huwa ta unur li l-Awtorità tat-Trasport tkompli turi s-sapport tagħha lejn din il-konferenza.
Huwa żied jgħid li l-Awtorità temmen bis-sħiħ li din il-konferenza hija l-mezz ideali għaliha biex tkompli tippromwovi u ssaħħaħ l-Avjazzjoni Ċivili.
Qal, “Bħala MACE toffri opportunità tajba għal partijiet interessati u esperti differenti biex jiltaqgħu flimkien u jkunu jistgħu jiddiskutu diversi suġġetti relatati mal-avjazzjoni. Jipprovdi wkoll pjattaforma għan-netwerking biex ikomplu jiżviluppaw relazzjonijiet bejniethom.”
Filwaqt li feraħ lill-fundaturi tal-MACE, il-Ministru għat-Transport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, qal li x-xogħol kontinwu biex sena wara sena tkompli ssir il-konferenza tal-MACE hija opportunità eċċellenti fejn jinħoloq djalogu san, kollaborazzjoni, u tqassim ta’ prattiki eżemplari fl-industrija.