Melvin Theuma xehed li għadda l-flus lil Mario Degiorgio, ħu l-kbir tal-aħwa George u Alfred Degiorgio – li jinsabu l-ħabs jistennew li jgħaddu ġuri dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – biex jgħaddihom lil ħutu fil-ħabs għax ħassu mhedded.
Theuma qal dan quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech hekk kif bdiet tisma’ l-kumpilazzjoni ta’ Mario Degiorgio, li qed jiġi akkużat b’ħasil ta’ flus u rikatt.
Melvin Theuma, li kien ingħata l-proklama biex jixhed fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, stqarr li Mario Degiorgio kien jitolbu l-flus biex jitħallsu l-ispejjez ta’ George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż.
Theuma qal li hu kien jiltaqa’ mal-akkużat f’karozza fil-Marsa, jew inkella fid-dar tiegħu, u jgħaddilu l-flus mingħand Yorgen Fenech, l-allegat moħħ wara l-qtil ta’ Caruana Galizia.
Ix-xhud qal li hu ġieli għadda madwar mitejn ewro fil-ġimgħa minn butu lill-aħwa Degiorgio.
Fix-xhieda tiegħu Theuma qal li l-akkużat kien jgħidlu biex jibża’ min-nies ta’ ġewwa, mhux dawk ta’ barra.
Kaġun ta’ hekk, Theuma ħassu dahru mal-ħajt tant li baqa’ jgħaddi lill-akkużat dak kollu li kien jitolbu.
Fis-seduta tal-lum xehdet ukoll l-ispettur Lianne Bonello, li qed tmexxi l-Prosekuzzjoni. Hija qalet lill-Qorti li Theuma qal lill-pulizija li baqa’ jagħmel il-pagamenti lil Mario Degiorgio għax kien jibża’ li se jiġi ttradut.
L-ispettur Bonello sostniet li Theuma qalilha lill-akkużat kien jieħu l-flus għalih ukoll tant li xtara kelb tar-razza Chow Chow miċ-Ċina għal ħamest elef ewro.