Carmel Attard, ta’ ħamsa u ħamsin sena, ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal tliet snin wara li ammetta li, fil-festa ta’ San Pawl il-Baħar, inġurja u hedded lill-Ispettur Gabria Gatt, kif ukoll lil surġent u kuntistabbli tal-Pulizija.
Ir-raġel, li huwa residenti San Pawl il-Baħar stess, ġie akkużat li hedded lill-uffiċjali tal-Pulizija waqt li kien fis-sakra.
Huwa wieġeb li hu ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, u qal li xtaq jitlob skuża lill-uffiċjali tal-pulizija involuti.
Il-Qorti, wara li kkonsultat il-liġi u semgħet is-sottomissjonijiet dwar il-piena, sabet lil Attard ħati u kkundannatu għal sena ħabs, sospiżi għal tliet snin, flimkien ma’ multa ta’ elf ewro, li se titħallas fuq perjodu ta’ għaxar xhur.