Is-Soċjetà Filarmonika King’s Own ippublikat volum numru sittax fil-kollezzjoni tagħha ta’ CD’s ta’ marċi brijjużi. Dan huwa volum speċjali immens fil-forma ta’ double album, b’26 marċ oriġinali miktubin minn surmastrijiet rinomati madwar Malta u Għawdex bil-għan li s-Soċjetà tfakkar it-800 sena mill-mewt tal-Patrijarka, San Duminku (1221 – 2021) u I-450 sena mit-twaqqif tal-Ewwel Parroċċa fil-Belt Valletta (1571-2021) il-bażilika tal-Porto Salvu u San Duminku.
Permezz ta’ dan is-sett ta’ marċi ġodda, qed jingħata nifs ġdid lill-kollezzjoni mużikali tas-Soċjetà Filarmonika King’s Own. Grazzi għal dan ix-xogħol, is-soċjetà qedha wkoll tinkoraġġixxi t-talent lokali. L-inawgurazzjoni uffiċjali saret nhar il-Ġimgħa, 29 ta’ Lulju 2022 fis-sede tas-Soċjetà. Id-double album kien irrekordjat mis-Sur Alan Schembri u l-Banda kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur tas-Soċjetà, Maestro Dr. John Galea. Il-membri u l-pubbliku Malti huwa mħeġġeġ jakkwista dan is-CD Album, jew pendrive għall-donazzjoni ta’ €15, mill-King’s Own Band Club, 274 Triq ir-Repubblika, Valletta jew jagħmel l-ordni tiegħu permezz ta’ email: segkobc@gmail.com