Għalkemm ninsabu fis-sajf u lkoll infittxu li nirrilassaw xi ftit, il-ħtieġa għall-għoti tad-demm ma’ wafqitx. Ikun ġest sabiħ, għalhekk, jekk wieħed jagħmel sforz sabiex jagħti d-demm ħalli fil-pajjiż ikun hawn riserva adegwata ta’ demm u tal-prodotti oħrajn li joħorġu minnu.
ONE News żar iċ-Ċentru għall-għoti tad-demm fi Gwardamanġa, fejn rajna l-ħidma li ssir ta’ kuljum favur il-pazjent. Id-Direttur tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfuzzjoni tad-Demm, Monique Debattista, qalet li bħalissa hemm bżonn ħafna ta’ demm tat-Tip A Pożittiv u O Pożittiv.
Qalet, “Napprezzaw li ħafna sħana, u anke forsi daqsxejn vaganzi tas-sajf , li wieħed isiefer, u joħroġ daqsxejn ma’ tal-familja hux hekk, pero l-bżonn jibqa kostanti”.
Monique Debattista qalet li, minbarra li l-għoti tad-demm huwa importanti, huwa importanti wkoll li wieħed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu u kemm jista’ jkun jara li jsuq bil-galbu sabiex jiġu evitati l-inċidenti.
Hija qalet li, meta jkun hemm ir-riserva tad-demm baxxa, kif spiss ikun il-każ fis-sajf, dan iwassal biex id-demm jitqassam b’mod ferm aktar metikoluż sabiex ma jinqalax il-każ li jkun hemm bżonn urġenti u ma jkunx hemm biex jinqeda kulħadd. Minħabba f’hekk, ċerti pazjenti ma jiħdux it-trasfużjonijiet kollha tad-demm li jordnawlhom il-konsulenti u t-tobba. Saħansitra jkun hemm min ikollu jistenna minn jum għall-ieħor.
Huwa għalhekk li d-Direttur ta-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfuzjoni tad-Demm ħeġġet lin-nies biex jibqgħu jmorru jagħtu d-demm, anki fis-sajf.
Stqarret, “Bħalma dejjem ngħidu, huwa kontinwu, jiġifieri nappellaw lin-nies iżuruna. Min dejjem, forsi, beża’, m’għandux għalxiex. Jiġi mqar jara l-proċess kif inhu u min ikollu xi mistoqsijiet javviċinana, għaliex ħafna drabi inkunu nistgħu nsolvu dawn il-problemi bl-iktar mod ħafif”.
Għalkemm is-sħana, din m’għandha taqta’ qalb ħadd milli jagħti d-demm. Il-proċeduri li wieħed għandu jagħmel jaqbel jagħti d-demm huma sempliċi ħafna. Wieħed għandu kemm jista’ jkun ma joqgħodx fix-xemx, jixrob kemm jista’ ilma u jiekol ikel li huwa mingħajr xaħmijiet.
Għal informazzjoni dwar l-għoti tad-demm wieħed jista’ jżur is-sit www.blood.gov.mt jew iċempel fuq in-numru 79307307.