Kollox jinsab lest u ‘on track’ biex tibda t-tieni fażi tal-proġett Kappara. Dan kien kliem Pat Cox, il-Kordinatur Ewropew għal TEN-T Sandinavian-Mediterranean Core Network Corridor, li qed jiffinanzja żewġ proġetti, dak tal-Marsa u tal-Kappara.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata flimkien mal-Ministru responsabbli mit-Trasport Joe Mizzi, intqal li dawn il-proġetti se jkunu qed itejbu mhux biss l-infrastruttura iżda kif ukoll jgħinu l-mod ta’ kif jimxi t-traffiku.
Cox faħħar il-kollaborazzjoni ta’ Malta, fejn 40% tax-xogħol infrastrutturali fil-Kappara diġà tlesta. B’referenza għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Cox qal li minkejja li Malta hi pajjiż żgħir, kapaċi toħloq kunsens ma’ pajjiżi ikbar minnha fi ħdan l-Unjoni Ewropea.