Diskussjonijiet li saru tul l-aħħar jiem bejn BirdLife Malta, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) u l-Kaċċaturi San Ubertu (KSU), wasslu għal ftehim ta’ kollaborazzjoni dwar l-għoti tal-ikel adegwat liċ-Ċinji f’Għawdex.
Wara żjara u evalwazzjoni li saret liċ-Ċinji minn Dr Kovacs, il-veterinarju appuntata mill-Wild Birds Regulation Unit (WBRU), kienet ġiet stabbilita proċedura biex iċ-Ċinji jingħataw l-ikel. Din il-proċedura (feeding protocol) issa se tkun f’idejn it-tliet entitajiet. Il-kwantità tal-ikel se tibda titnaqqas wara ftit bl-iskop li l-għasafar jiġu stimulati jkomplu jpassu.
Din il-kollaborazzjoni setgħet issir realtà wara li l-partijiet kollha involuti ffukaw fuq l-interess komuni li dawn l-għasafar jingħataw l-għajnuna u anke għaliex l- entitajiet kollha jinteressahom il-benesseri ta’ dawn l-għasafar. Il-FKNK rnexxielha wkoll tikseb sponsor mingħand Good Earth Distributors Ltd. ta’ Burmarrad, għal ħafna mill-ikel.
Mark Sultana, Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta, qal: “L-organizzazzjonijiet tal- kaċċa u dawk ambjentali ma jaqblux fuq ċerti valuri imma rridu nirrealizzaw li hemm numru ta’ oqsma li nistgħu naqblu fuqhom. F’dawn il-każi jeħtieġ li naħdmu flimkien għall-benefiċċju tal-interess komuni tal-ambjent naturali ta’ pajjiżna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK, Lino Farrugia żied jgħid: “Jagħmlu min jagħmlu, it- tajjeb ħadd ma jista jgħid li huwa ħażin, u dan huwa att ta’ konservazzjoni tal- ambjent naturali li jistħoqqlu tifħir. Nappella wkoll, għall-prudenza mill-pubbliku li jista’ jmur josserva ċ-Ċinji, kemm minħabba s-saħħa tat-tajr, kif ukoll sabiex ma ssirx ħsara fir-raba’ tal-madwar għad-dannu tas-sidien.”
Min-naħa tiegħu, il-President tal-KSU Mark Mifsud Bonnici sostna: “Aħna nilqgħu l- bidla fil-mentalità ta’ BirdLIfe Malta u nittamaw li l-ħeġġa tagħhom li jikkoperaw mal-organizzazzjonijiet tal-kaċċa tidher f’kull opportunità li jkun hemm biex dan iseħħ. Bil-Wild Birds Regulation Unit qed taġixxi bħala intermedjarju, ninsab ċert li l-isforzi ta’ kulħadd favur il-konservazzjoni se jiksbu t-tifħir u l-għarfien li jixirqilhom, u aħna nfaħħru din l-inizjattiva.”