It-talent lokali fil-qasam tal-motorsport kompla jikseb reputazzjoni tajba hekk kif grupp ta’ studenti mill-Università ta’ Malta ġabu riżultati tajbin ferm wara li kkompetew f’Silverstone, ir-Renju Unit.
L-istudenti Maltin ipparteċipaw fil-Formula Student, fost mija, wieħed u għoxrin kompetitur minn Universitajiet differenti minn madwar id-dinja.
Il-kompetizzjoni kienet maqsuma f’żewġ sezzjonijiet ta’ avvenimenti dawk statiċi u oħrajn dinamiċi.
L-avvenimenti statiċi jinkludu skrutinju dwar spejjeż u mudell ta’ bejgħ għal karozza.
Apparti minn hekk, kien hemm ukoll avvenimenti dinamiċi li jinkludu l-aċċelerazzjoni tal-vettura, l-iskidpad, l-isprint, u l-endurance race.
Il-Maltin ġew l-ewwel fit-tellieqa prinċipali tal-endurance b’erbgħa u għoxrin dawra maċ-ċirkwit. Fil-kategoriji l-oħra kollha kklassifikaw mal-ewwel għaxar postijiet.
It-tim Malti hu kompost minn madwar għoxrin student minn fakultajiet differenti li jaħdmu fuq proġetti bħal dan wara l-ħin tal-istudji tagħhom filwaqt li jaħdmu ma’ kumpaniji lokali sabiex joħolqu dak li joħolmu għal kompetizzjonijiet bħal dawn.
Il-Viċi-President tat-tim Malti, Aidan Azzopardi spjegalna kif din il-kompetizzjoni tħejji u tlaqqa’ lil dawk kollha li tinteresshom id-dinja tal-motorsport mill-lat ta’ inġinerija.
Dan japplika wkoll għal kumpaniji li jgħinu lit-timijiet, kif jispjega Azzopardi.
Azzopardi stqarr, “Dejjem trid iżżomm f’moħħok li minn kumpaniji li qed jisponsoraw timijiet oħra u anke ġieli lilna, jixtiequ jagħmlu recruitment għal timijiet kbar tal-Formula 1 u motorsport ieħor li qed jagħtu l-opportunità lill-istudenti jitgħallmu u mit-tagħlim tagħhom anki jagħmlu ċerta riċerka li japplikaw f’karozzi tal-Formula 1 jew ta’ motorsport ieħor.”
Ir-regolamenti ta’ din il-kompetizzjoni tagħmilha aktar diffiċli sabiex wieħed ikollu karozza kompetittiva speċjalment minħabba limitazzjonijiet finanzjarji.
Qabel il-karozzi jkunu eleġibbli biex jikkompetu jgħaddu minn stadju ta’ skrutinju skont l-istess regolamenti, b’diversi kompetituri ma tħallewx jgħaddu għall-kompetizzjoni.
Fil-fatt, it-tim Malti ra li jsib bilanċ bejn l-eżekuzzjoni tal-prodott finali u l-affidabbiltà tal-karozza filwaqt li jibqgħu fil-parametri tal-linji gwida.
Bernard Vella, li ħadem fost l-oħrajn fuq il-ġeometrija tas-suspension, spjega x’materjali ntużaw fil-proġett.
Vella qal, “Iċ-chassis primarjament kien magħmul minn T45 Steel li imbagħad bdejna nagħqduh flimkien bil-welding, imbagħad kellna xi body panels ukoll tal-carbon fibre, ħafna drive shafts, prides, u hubs eżempju saru mill-aluminium biex ikunu ħfief u minn hemmhekk, kellna ċertu materjali li forsi ngħidulhom premium bħal magnesium li ntużaw għar-rimijiet.”
Is-sigurtà tax-xufier u dawk preżenti fit-trakka kienet ta’ prijorità wkoll anki skont ir-regolamenti.
Fil-fatt, Martin Abela li ħadem fuq is-sistemi elettriċi tal-karozza, spjegalna kif il-karozza kellha tintefa’ minn barra u minn ġewwa, fost sistemi elettriċi oħra.
Abela qal, “Biċċiet oħrajn illi imbagħad li huma sseparati mis-safety, huma eżempju id-dashboard li għamilnieha aħna bħala custom. Allura dik għandna bżonn niġbru l-parts għaliha niddisinjaw boards għaliha, imbagħad nagħmlu l-wires u nibnuha, ovvjament issib problemi u tirranġhom matul iż-żmien.”