B’investiment ta’ kwart ta’ miljun ewro f’apparat ġdid, se jkun qed jissaħħaħ servizz maħsub sabiex komunitajiet Maltin li jgħixu barra minn xtutna, ikollhom servizzi governattivi aktar viċin tagħhom.
Irrappurtat dwar dan il-gazzetta Kullħadd hekk kif spjegat li l-programm joffri numru ta’ servizzi li normalment ikunu aċċessibbli mill-Ambaxxati u l-Konsulati Maltin, fosthom dawk li jwasslu għal applikazzjonijiet ġodda u tiġdid ta’ passaporti Maltin u reġistrazzjonijiet ta’ ċertifikati ta’ twelid, mewt u żwieġ.
L-apparat li nxtara u li se jintuża fil-programm, ‘Consul on the Move’, jinkludi fih kamera u diversi scanners li kapaċi jidentifikaw il-marki tas-swaba u l-passaporti.
Dan kollu f’tablet speċjalizzat, li jista’ jinġarr faċilment, u li jagħmilha possibbli li jinħarġu l-passaporti meta l-uffiċjali jkunu barra mill-uffiċju.
Il-Ministru għall-Affarjiet Barranin, Ian Borg qal li dan l-investiment kien meħtieġ fid-dawl taż-żieda fid-domanda għal dawn is-servizzi, u kif dan l-investiment se jassigura aktar effiċjenza fl-għoti tas-servizzi għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta.
Ġie spjegat ukoll kif il-bżonn ta’ dan is-servizz ġie wara li beda jintuża l-passaport bijometriku, li ħoloq sitwazzjoni fejn Maltin li jgħixu barra minn Malta jkollhom bżonn imorru fl-Ambaxxata Maltija fiżikament.
Għalhekk, dan il-programm jorbot ukoll mal-viżjoni tal-Gvern li jġib is-servizzi aktar viċin iċ-ċittadin, kemm f’pajjiżna u anke lil’hinn minnu.