Kif mistenni Alex Perici Calascione inħatar Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dan f’vot qalb il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista, li permezz tiegħu kompliet tiġi kkonfermata l-apatija kbira li qed tiddomina taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech.
Fil-fatt, f’din l-elezzjoni għall-kariga ta’ Viċi Kap, 30% tal-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista ma marrux jivvutaw.
Il-kandidat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil kiseb il-vot ta’ 976 kunsillier, minn 1571 kunsillier eliġibbli.
Dan ifisser li Alex Perici Calascione kiseb biss 62% tal-voti kollha eliġibbli favurih. Dan hekk kif 104 kunsillier ivvutaw kontra, 22 vot kienu invalidi u 469 kunsillier lanqas marru jivvotaw.
Notevoli wkoll kien il-fatt li fost il-kunsilliera li vvutaw Alex Perici Calascione kiseb kważi 10% aktar voti favur mill-Kap Bernard Grech fl-aħħar elezzjoni fejn fiha ġie konfermat Kap.
Dan ir-riżultat li jikkonferma għal kollox l-apatija li qed tiddomina fid-Dar Ċentrali, wasal minkejja li Alex Perici Calascione tellaq waħdu f’elezzjoni li spikkat għall-fatt li ħadd mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ma kien lest jikkontesta biex ikun il-Viċi tal-Kap Bernard Grech.
Wara ħafna taqtigħ il-qalb, Perici Calascione spiċċa tefa’ n-nomina.
Xi ħaġa li niżlet għasel mal-fazzjoni ta’ Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami, hekk kif Perici Calascione hu meqjus ta’ Simon Busuttil.
Fil-fatt, sorsi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kienu anke sostnew ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet l-ironija f’dak li suppost hu tiġdid fil-Partit Nazzjonalista.
Fakkru kif is-sena li għaddiet Perici Calascione tneħħa mill-kariga li kellu bħala President tal-Amministrattiv biex minfloku daħal xi ħadd iktar frisk.
Madankollu issa, dak li tneħħa biex il-Partit jiġedded spiċċa fil-kariga numru tnejn fid-Dar Ċentrali.
Intant fid-diskors li jimmarka tmiem il-kariga tiegħu bħala Viċi Kap Nazzjonalista, Robert Arrigo ta ċamata tajba lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista għall-fatt li taħt Bernard Grech huwa spiċċa twarrab mill-Partit Nazzjonalista.
Huwa semma bosta istanzi fejn fihom huwa bħala Viċi Kap ma tħalliex jitla’ f’Każini tal-Partit Nazzjonalista u saħansitra ma tħalliex ipoġġi f’rallies tal-istess Partit fl-aħħar elettorali.
Tenna kif għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, huwa kien biss kapaċi biex jiġbor il-flus.