L-impenji ta’ Team Malta f’Birmingham komplew illum is-Sibt 30 ta’ Lulju bl-iSquash u Lawn Bowls.
Fil-Lawn Bowls, it-tim tat-Triple tal-Irġiel magħmul minn Peter Ellul, Troy Lorimer u Shaun Parnis taw wirja ta’ determinazzjoni u saħħa mentali meta minkejja li kienu erba’ punti minn taħt irnexxielhom jiġġieldu lura biex irnexxielhom jġibu d-draw kontra tim b’saħħtu Indjan bl-iskor finali ta’ 16-16. B’dan ir-riżultat se jgħaddu għall-kwarti tal-finali, bil-logħba li jmiss hija skedata għall-Ħadd 31 ta’ Lulju fit-3pm. Filwaqt li t-tim tan-Nisa Fours għad fadlilhom logħba waħda kontra l-Malasja, iż-żewġ telfiet diġà sofrew ifissru li ma kkwalifikawx biex jipproċedu għar-rawnd tal-kwarti finali.
Fi Squash, Niall Engerer li lbieraħ rebaħ id-derby Malti kontra Kijan Sultana kellu jiffaċċja mal-plejer numru tnejn tad-dinja Paul Coll. Ma kienx hemm dubju li dan id-draw kien ikun iebes u kif mistenni Coll rebaħ il-logħba 3-0. Destin simili kien jistenna lill-aħwa Colette u Lijana Sultana. Din tal-aħħar lagħbet kontra l-Kanadiża Hollie Naughton li tinsab fit-30 post fid-dinja. Ir-riżultat finali kien 3-0 għal Naughton. Colette Sultana li ngħatat bye fl-ewwel rawnd affaċċjat lil-Awstraliana Jess Turnbull, li hi kklassifikata fis-77 post fid-dinja. Sultana rnexxiela tirbaħ it-tieni logħba iżda xorta waħda tilfet il-logħba bl-iskor finali ta’ 3-1.
Nhar il-Ħadd, il-weightlifter Tenishia Thornton se tibda wkoll l-impenji kompetittivi tagħha, meta tieħu sehem fl-avveniment ta’ 59kg tan-Nisa.
Preżenti f’Birmingham hemm ukoll il-ministru tal-isport Dr Clifton Grima li qed isegwi t-taħriġ u anke l-kompetizzjonijiet tal-atleti maltin f’dan il-logħob hekk importanti.