Diversi familji u tfal, kellhom l-opportunità jiskopru ġmiel in-natura permezz ta’ mawra fuq il-baħar fuq inizjattiva ta’ Birdlife Malta bħala parti mill-proġett Life Pan paffinus, ta’ aktar minn tliet miljun ewro, li huwa mifrux fuq ħames snin, u ko-finanzjat mill-programm LIFE tal-Unjoni Ewropea u mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali.
Dan il-proġett għandu l-għan li jipproteġi b’mod speċjali l-garnija u ċ-ċiefa, li jinsabu taħt theddida minħabba annimali nvażivi bħal firien li jattakawhom, u l-qbid bla mistenni ta’ dawn l-għasafar f’tagħmir tas-sajd fuq il-baħar.
Mal-għabex tal-Ġimgħa, dawk kollha fuq id-dgħajsa mgħammra apposta, setgħu jaraw qtajja ta’ ċief jistrieħu f’wiċċ l-ilma taħt l-irdumijiet ta’ Ta’ Ċenċ qabel jidħlu lura fil-bejtiet tagħhom f’dawn l-irdumijiet.
F’pajjizna għandna tnejn fil-mija tal-popolazzjoni dinjija ta’ dan l-għasfur tal-baħar; bejn tlett elef u erbat elef par ta’ Ċief, li madwar elf minnhom ibejtu f’dawn l-inħawi. Dan l-għasfur tal-baħar iqatta’ ħajtu fuq l-ilma u jersaq lejn l-art biss biex ibejjet. Jingħaraf mid-dahar griż li jagħti fil-kannella, iż-żaqq bajda u l-munqar isfar. L-iżvilupp, it-tniġġis mid-dawl u l-qbid bla mistenni, inċidentali qed ikun ta’ xkiel għal din l-ispeċi.
Iċ-Ċiefa, li l-hena tagħha ttir fil-baxx fuq il-mewġ, hija magħrufa għall-mod kif matul l-istaġun tal-bejta tinġabar fi gruppi mdaqqsa u tifforma dawk li jissejħu rafts fejn mijiet minn dan l-għasfur, jistennew li tinżel ix-xemx, biex kif jidlam, jidħlu lura fil-bejta. Dan il-fenomenu naturali mill-isbaħ joffri spettaklu mhux tas-soltu u jdum għaddej, kemm idum il-perjodu tal-bejta, bil-qofol jintlaħaq f’Ġunju u f’Lulju.
Iċ-Ċiefa tbid biss bajda waħda fis-sena, u għalhekk hu importanti li dan l-għasfur jiġi mħares sew għax jekk din il-bajda tintilef, tkompli tonqos il-popolazzjoni ta’ dan l-għasfur tal-baħar li huwa protett u klassifikat bħala vulnerabbli.