Raġel ta’ tmienja u għoxrin sena mill-Indja, ngħata sentenza sospiża wara li wieġeb ħati għal akkużi ta’ vjolenza domestika.
Fil-Qorti nstema’ kif ir-reat seħħ fit-tmienja u għoxrin ta’ Lulju, meta l-Pulizija tad-Distrett issejħu f’appartament f’Birkirkara wara rapporti lill-Pulizija. Intqal kif fuq il-post il-Pulizija raw demm mal-art u fuq sodda.
Intqal ukoll kif l-imputat ammetta mal-Pulizija li kien hu li kien vjolenti fl-appartament, u meta saqsewh biex beda jagħti lill-allegat vittma, huwa ħareġ mazz ċwievet u qalilhom li ta d-daqqiet bihom.
Ġie spjegat kif fl-appartament kien hemm jgħixu sitt persuni Indjani, iżda mhux kollha kemm huma kienu jħallsu l-kera. Għalhekk, inqala’ argument li sar wieħed vjolenti.
Fil-Qorti ntqal kif l-imputat ikkopera kompletament mal-Pulizija u li l-ġrieħi li kkawża l-imputat kienu ħfief. Il-Prosekuzzjoni stqarret ukoll li dan kien każ sfortunat, hekk kif l-argument beda bħala wieħed verbali, iżda l-vittma kien dak li beda jkun vjolenti mal-imputat.
Fil-waqt li ġie nnutat li l-imputat għandu fedina penali nadifa u qatt ma kellu problemi mal-ġustizzja, il-Prosekuzzjoni nnutat li sentenza sospiża hija s-sentenza ideali għall-imputat.
Intalbet ukoll ordni ta’ protezzjoni, u għalhekk intqal kif l-imputat se jkun qed jibdel l-indirizz tiegħu sabiex, u l-imputat se jkun qed jiftaħ ukoll proċeduri kriminali kontra l-vittma ta’ dan ir-reat.
Huwa ngħata sentenza ta’ erba’ xhur ħabs sospiżi għal sena, u l-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni għal sentejn favur il-vittma.