Hekk kif, fix-xhur tas-Sajf, it-turiżmu jiżdied, jiżdiedu wkoll l-infurzar u l-preżenza tal-Pulizija f’ċerti postijiet madwar il-pajjiż. Ġejna mal-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan, insegwu l-ħidma li jagħmlu mhux biss f’Paceville iżda wkoll fil-madwar biex tiġi assigurata s-sigurtà ta’ kulħadd.
Bdejna l-lejl mill-għassa ta’ San Ġiljan, li hija responsaabbli minn erba’ lokalitajiet: dawk ta’ San Ġwann, San Ġiljan, is-Swieqi, u Pembroke.
Hemmhekk tkellimna mas-Supredentent Melvyn Camilleri, li spjegalna kif jaħdem dan id-Distrett, b’mod partikolari għaliex ikollu żieda ta’ riżorsi tard tul il-lejl minħabba l-ħafna nies li jżuru l-inħawi.
Qalilna, “Il-Pulizija li huma stazzjonati San Ġiljan ikopru l-patrols fil-bidu tal-lejl, imbagħad jiġu Pulizija oħrajn minn distretti oħrajn u minn branki oħrajn tal-Pulizija, għaliex ovvjament il-volum tan-nies u l-volum tax-xogħol jiżdied mal-lejl.”
B’hekk din hija l-isfida prinċipali tal-Pulizija f’dan id-distrett: dik ta’ konċentrazzjoni ta’ nies f’postijiet relattivament żgħar.
Għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħaxija, imbagħad, jibdew jaslu l-Pulizija minn barra d-distrett. Fl-għassa huma jiġu aġġornati b’dak li jkun se jsir matul il-lejl.
Ftit tal-ħin wara, jibdew ir-rondi ta’ matul il-lejl. Il-Pulizija jinqsamu fi gruppi ta’ erba’ uffiċjali l-wieħed sabiex iduru l-inħawi ta’ Paceville.
Fost it-tibdiliet li qegħdin jsiru sabiex tiżdied is-sigurtà permezz tal-preżenza tal-Pulizija hija li jagħmlu rondi bil-pass u ma jibqgħux f’post statiku, bil-għan li jkompli jiżdied id-detriment għal attivitajiet illegali filwaqt li l-assistenza lin-nies tkun aktar faċli.
Apparti minn pulizija li jassistu minn distretti oħrajn, fi tmiem il-ġimgħa tiżdied ukoll il-preżenza tal-Pulizija tal-Kavallerija, il-Pulizija mis-sezzjoni tal-Klieb, u anki oħrajn mir-Rapid Intervention Unit.
B’riżultat ta’ dan, statistika turi li, minkejja li s-settur turistiku u dak tad-divertiment qegħdin jirkupraw wara l-pandemija, l-assistenza tal-Pulizija qed tintalab inqas minn kemm kienet tintalab qabel il-pandemija.
B’rabta ma’ dan, Camilleri qalilna li minbarra dawk il-ftit każijiet li jinqabdu mill-midja, l-Pulizija tassisti f’diversi każijiet minuri li ma jiġbdux l-attenzjoni tal-midja.
L-aktar raġuni għaliex tintalab l-assistenza f’postijiet tad-divertiment hija meta jkollok persuni taħt l-effett tal-alkoħol li jiġu assititi. F’dawn il-każijiet kapaċi tintalab ukoll assistenza medika, fost l-oħrajn.
Stqarr magħna, “Ikollok assistenzi diversi. Ġieli kellna affarijiet anki waqt il-patrols ta’ Paceville, li xi ħadd tilef xi ħaġa partikolari u qed tipprova, dak il-ħin, tassistih.”
Mal-lejl segwejna wkoll xogħol il-Pulizija lil hinn mill-mekka tad-divertiment f’Paceville, waqt attività tal-festa tal-Balluta.
Barra minn hekk, din l-akwata tal-pajjiż bħalissa qed tgawdi wkoll mis-servizz tal-Pulizija fil-Komunità, fejn għandha żewġ timijiet, b’dak responsabbli mis-Swieqi u Pembroke u ieħor li jieħu ħsieb San Ġiljan.
Is-Supretendent Camilleri qal li bħalissa għaddej ix-xogħol biex jitwaqqaf it-tielet tim, li se jieħu ħsieb il-lokalità ta’ San Ġwann, biex b’hekk id-distrett ikun kopert kollu kemm hu bis-servizz tal-Pulizija fil-Komunità.