Il-krizi tal-enerġija li qed tolqot lill-kontinent Ewropew qed tiġri minħabba żieda fid-domanda tal-enerġija wara l-pandemija globali u ġiet milquta iżjed bil-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Din il-krizi kompliet tikber hekk kif il-kumpanija Russa, Gazprom ftit tal-jiem ilu naqqset għoxrin fil-mija tal-provvista tal-gass, minħabba dak li sejħet bħala ħsarat tekniċi.
B’reazzjoni għal dan, il-Ministri tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu fi Brussell, aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn qablu dwar ftehim li jkun hemm nuqqas ta’ ħmistax fil-mija mill-provvista tal-enerġija.
Dwar dan tkellimna mal-Inġinier tal-Enemalta, Stefan Calamatta, li huwa wkoll id-Direttur Eżekuttiv tax-xiri tal-enerġija u proġetti.
L-Inġinier Calamatta spjega li peress li Malta hija gżira, hija maqtugħa min-network tal-gass Ewropew u b’hekk l-importanza ta’ deroga biex Malta tiġi eżentata minn dan l-impenn.
Huwa qal, “Però l-Gvern Malti rnexxielu jġib deroga sabiex Malta tiġi eżentata mill-miżuri. Tajjeb wieħed jgħid illi kif jaf kulħadd il-prezz tal-elettriku fuq is-suq Ewropew permezz tal-interconnector sploda dan l-aħħar sena.”
Hawnhekk il-prezzijiet fl-Italja għolew għal €650 għal kull MegaWatt fis-siegħa.
Ma’ ONE News, id-Direttur Eżekuttiv tax-xiri tal-enerġija u proġetti tal-Enemalta spjega kif Malta ġġib l-enerġija tagħha primarjament mill-gass naturali tal-LNG, li mhumiex mill-grid Ewropew, u kif ukoll mill-Interconnector.
L-Inġinier tal-Enemalta spjega magħna kif f’Malta, l-ogħla domanda għall-elettriku tkun fis-sajf, filwaqt li madwar l-Ewropa, l-ogħla domanda tkun fix-xitwa.
Huwa spjega kif sa Novembru li ġej, il-pajjiżi Ewropej ftehmu li sal-aħħar ta’ Novembru jkollhom riserva ta’ gass ta’ disgħin fil-mija.
Hawn stqarr, “Malta, il-gass naturali jintuża għal ġenerazzjoni tal-elettriku, bid-domanda l-ogħla hija fis-sajf u allura l-aktar li jintuża l-gass ikun fis-sajf. L-akbar konsum tal-gass huwa fis-sajf. Fl-Ewropa l-gass naturali jintuża, kemm għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u kif ukoll biex isaħħnu d-djar. Allura l-akbar konsum tal-gass fl-Ewropa huwa fix-xitwa.”
L-Inġinier Calamatta rrimarka kif għalkemm Malta mhiex milquta direttament, l-għaqal jibqa’ element kruċjali quddiem dawn l-isfidi.
Qal, “Huwa tajjeb u huwa importanti illi filwaqt li l-Gvern għamel tajjeb għal dan sabiex iżomm stabbilità tat-tariffi li jħallsu l-konsumaturi, qed jagħmel tajjeb kemm għal but tal-konsumatur, kif ukoll għall-ambjent illi l-konsumaturi jieħdu ħsieb kemm jista’ jkun illi jużaw l-elettriku bilgħaqal u titnaqqas il-ħela.”