Wasal fl-aħħar fażi x-xogħol ta’ restawr fuq il-kunvent ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta.
Il-proġett, li qiegħed jitmexxa mill-Fondazzjoni Soċjo-Kulturali Ambjentali Augustina, FSKAA, qed isir b’investiment ta’ €2.3 miljun u li minnhom €1.5 miljun ġejjin fondi Ewropej, mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali.
Ix-xogħlijiet li saru jinkludu r-restawr u l-konservazzjoni tal-erba’ faċċati tal-kunvent, it-tħaffir arkejoloġiku ta’ parti mill-bitħa u l-installazzjoni ta’ lift li se jkun aċċessibbli għal kulħadd.
Permezz ta’ dawn il-fondi, ġiet irriġenerata binja estensiva li kienet ilha biex tiġi rrestawrata b’mod sinifikanti minn wara t-Tieni Gwerra Dinija wara li partijiet sostanzjali minnha, kienu ġġarrfu.
Il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin Fr Alexander Cauchi qal li dan huwa proġett li se tibbenefika minnu mhux biss il-komunità kollha Beltija imma wkoll il-Belt Valletta nnifisha.
Il-Provinċjal Fr Leslie Gatt spjega li f’dawn l-aħħar snin ħadem sabiex jiġi mħares il-patrimonju li ġie mgħoddi lilhom tul is-snin minn dawk kollha li għexu qabilhom.
Gatt qal, “Instabu partijiet mill-Knisja l-qadima, il-Knisja oriġinali, li tmur lura għall-ewwel Knisja li kienet inbniet fuq dan is-sit meta nbniet il-Belt, u għalhekk jagħmel dak is-sit arkeoloġiku.”
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li bis-saħħa tal-fondi ewropej, il-Gvern qiegħed ikompli jikkonserva il-wirt kulturali ta’ pajjiżna permezz tar-restawr ta’ dawn is-siti storiċi.
Bonnett stqarr, “L-investiment li qed isir hawnhekk, u f’bosta knejjes u kunventi oħra, huwa propju mmirat għal diversi għanijiet. L-ewwel nett biex nippreservaw dik li hija l-kultura u t-tradizzjoni tagħna, u nsibu teżori li għadna f’pajjiżna. Imma fuq kollox qed noħolqu niċċeċ ġodda ta’ turiżmu li qed jiġu nies differenti.”