Ġew mnedija sitt kumitati tematiċi ġodda marbuta mat-tieni Strateġija Smart Specialisation.
Dawn is-sitt kumitati huma mqassma fl-oqsma tas-saħħa, l-użu sostenibbli tar-riżorsi għall-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima, il-manifattura intelliġenti, it-teknoloġija marittima, l-avjazzjoni u l-ajruspazju u t-teknoloġiji diġitali futuri.
L-għan ta’ dawn il-kumitati huwa li permezz tagħhom din l-istrateġija tista’ tkun implimentata fl-oqsma kkonċernati permezz ta’ sinerġija bejn il-Gvern, l-akkademja, il-kummerċ u s-soċjetà ċivili.
Filwaqt li l-kumitati se jirrapurtaw lill-Ministeri u lill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, dawn se joffru l-appoġġ tekniku lil kull kumitat tematiku biex jipprovdi l-għodda possibli ta’ għajnuna.
Minbarra dan, il-kumitati se jsaħħu l-implimentazzjoni ta’ din l-Istrateġija Smart Specialisation bħala kunċett politiku.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pullicino Orlando spjega li permezz tar-rakkomandazzjonijiet li l-kumitati se jgħaddu direttament lill-Ministeri, dawn se jkunu jistgħu jiġu diskussi fl-ogħla livelli politiċi u b’hekk il-viżjoni ta’ governanza tkompli tissaħħaħ billi fil-prattika jkun hemm ukoll l-involviment dirett tar-riċerka.
Pullicino Orlando qal, “Dawn is-sitt temi li għadna niffukaw fuqhom, niċċeċ li għadna niffukaw fuqhom fis-settur tal-R&I, ir-riċerka u l-innovazzjoni. It-temi magħżula huma niċċeċ li diġà hemm saħħa partikolari f’pajjiżna, biex aħna nibnu fuq il-pedament li diġà qiegħed hemm.”
Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti sostna li permezz ta din l-Istrateġija, il-viżjoni għal Malta ta’ għada hija ċara.
Stqarr, “L-irwol tagħhom se jkun prattikament li jagħti dawk il-parir lill-Gvern biex aħna nkabbru dawn is-setturi, dawn is-sitt niċċeċ tant importanti ħafna fil-qasam ekonomiku ta’ pajjiżna.”