Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, il-Bank of Valletta rreġistra profitt operattiv ta’ qabel it-taxxa ta’ iżjed minn sitta u għoxrin miljun ewro, li jfisser żieda ta’ kważi punt perċentwali meta mqabbel mal-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet.
Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, fl-istess perjodu l-bank spiċċa biex għamel telf ta’ iżjed minn sitta u sebgħin miljun ewro kaġun tal-każ ta’ Deiulemar, li ġie jiswa lill-bank Malti iżjed minn 100 miljun ewro.
F’dan il-każ, fl-2014 l-amministratur tal-grupp Deiulemar fetaħ kawża kontra l-Bank of Valletta fl-interess ta’ 13,000 resident tal-lokalità ta’ Torre Annunziata, li tilfu flushom meta falla l-grupp li kellu investiment f’fond tal-Bank of Valletta.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li ta l-bank, ġie spjegat li r-riżultati kummerċjali għall-bank fl-ewwel sitt xhur kienu pożittivi, għax kien hemm żidiet fl-attività u fil-qligħ meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Iċ-Chairman tal-Bank of Valletta, Gordon Cordina, qal li l-bank għandu rasu mistrieħa, issa li ġie solvut dan il-każ. Kieku dan baqa’ mhux solvut seta’ jfisser spejjeż akbar fil-futur. Qal ukoll li, għalkemm it-tkabbir tal-bank kien wieħed b’saħħtu, din is-sena minħabba dawn iċ-ċirkustanzi mhux se jkun hemm dividends.
Qal, “Minħabba l-fatt li ssettilja dan il-każ, allura l-karta tal-qligħ tagħna ħadet id-daqqa tal-ispiża involuta, u kien għaldaqstant illi l-Bord tad-Diretturi deherlu li għalissa, minkejja r-riżultati pożittivi illi kien hemm u minkejja l-fatt li ħlisna minn din il-problema ta’ litigazzjoni fl-Italja, ma jkunx hemm f’dan il-perjodu dikjarazzjoni ta’ dividend.”
Il-bank innota kif fl-ewwel sitt xhur tas-sena saru kważi sittax-il miljun tranżazzjoni permezz tal-app bil-mobile u anki bl-Internet Banking.
Iċ-Chairman tal-bank semma l-aħbar pożittiva li ġrat fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena: dik li Malta tneħħiet mill-hekk imsejħa ‘l-lista l-griża’ tal-FATF.
Qal, “Nafu li għandna tkabbir, speċjalment għax it-turiżmu qiegħed jirkupra, fost setturi oħrajn li qegħdin jikbru wkoll. Nafu wkoll illi l-pajjiż ħareġ mill-grey listing tal-FATF, li kienet riżultat ħafna importanti illi l-bank nemmnu li kkontribwixxa għalih u li n-negozju tiegħu se jkun qed jibbenefika miegħu.”
Hwa qal li l-bank għandu biżżejjed likwidità biex jilqa’ għall-isfidi internazzjonali kkawżati mill-pandemija u anki mill-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa. Huwa saħaq li l-bank qed jieħu l-prekawżjonijiet li huma meħtieġa.