Grupp ta’ ħames pazjenti oħra, li għandhom bżonn urġenti tar-radjoterapija, ħallew lil Malta lejn Ruma sabiex jieħdu dan is-servizz.
Sa l-aħħar ta’ din il-ġimgħa, il-pjan hu li jkunu marru Ruma għat-trattament, disa’ pazjenti oħra. Dan filwaqt li b’kollox se jkunu telgħu wieħed u għoxrin pazjent.
Kif diġà ġie mħabbar, il-gvern se jkopri l-ispejjeż relatati mal- akkomodazzjoni u vjaġġar tal-pazjenti kif ukoll ta’ persuna li tista’ takkumpanja lill-pazjent.
Dawn il-pazjenti se jmorru barra minn Malta fid-dawl li s-servizz tar-radjoterapija fl-Isptar Mater Dei ġie sospiż b’mod temporanju minħabba ħsarat tekniċi fil-linear accelerators tal-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, li żviluppaw tul tmiem il-ġimgħa li għadda.
Bosta professjonisti tekniċi, anke minn barra ‘l pajjiż, għaddejjijn f’ħidma biex isewwu l-magni mill-iktar fis possibli.
Fi stqarrija tal-Ministeru tas-Saħħa lbieraħ, ġie spjegat kif twaqqaf bord ta’ inkjesta interna biex jiġi stabbilit x’wassal għal din il-ħsara, għaliex din hija l-ewwel darba li saret ħsara teknika ta’ dan it-tip.