Waqt li kien qed jixhed quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi, l-eks Chairman tal-Enemalta, Charles Mangion, tkellem, fost affarijet oħra, dwar il-pjan li wettqet l-Enemalta biex issir il-qalba miż-żejt tqil għall-gass u biex jingħalaq darba għal dejjem l-impjant tal-enerġija tal-Marsa.
Qal, “It-tneħħija tal-power station tal-Marsa, it-tneħħija tal-ħmieġ ikkawżat mill-heavy fuel oil, it-tnaqqis fir-rati li kienet challenge kbira għall-Enemalta u, ovvjament, biex niżviluppaw u nqabbdu l-interconnector.”
L-eks Chairman tal-Enemalta qal li l-Enemalta kienet tieħu d-deċiżjonijiet tagħha dwar proġetti bħal dak tal-Electrogas permezz ta’ kumitat imqabbad apposta.
Charles Mangion spjega kif, fl-2011, l-Enemalta kellha telf ta’ 7 miljun ewro u s-sena wara, fl-2012, kellha telf ta’ 57 miljun ewro. Innota kif, fl-2013, it-telf tela’ għal 100 miljun ewro u sena wara, fl-2014, dan niżel għal 53 miljun ewro.
B’kuntrst, fl-2015, għall-ewwel darba l-Enemalta għamlet profitt operattiv ta’ 45 miljun ewro u fl-2016 għamlet profitt operattiv ta’ 67 miljun ewro.
Charles Mangion qal li, minħabba dan id-dejn, flimkien mal-qagħda finanzjarja mwiegħra, kien impossibbli li tidħol għall-proġetti kapitali u biex isir xi tip ta’ investiment ried ikun hemm garanzija mill-Gvern.
Huwa qal li ma kienx jaf bilproblemi finanzjarji li hellha l-kumpanija Gasol meta rratifika d-deċiżjoni li l-kuntratt tal-impjant tal-enerġija jingħata lill-konsorzju tal-Electrogas. Il-Gasol oriġinarjament kienet parti mill-konsorzju, iżda telqet minnu f’Lulju tal-2015 u ttrasferiet is-sehem tagħha ta’ 30 fil-mija lill-imsieħba l-oħrajn fil-konsorzju.
Xehed ukoll li, qabel ma nbiegħu l-ishma, waħda mill-kumpaniji tal-konsorzju tat garanzija li tagħmel tajjeb hi għal kwalunkwe nuqqas finanzjarju. B’hekk, il-qagħda finanzjarja tal-konsorzju kienet dejjem b’saħħitha, anki meta saret ir-ratifika tal-għażla mill-Bord.