F’botta u risposta, il-Bord tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir u r-Rettur ċaħdu kategorikament l-allegazzjonijiet li Mario Mallia tkeċċa minn Kap tal-Kulleġġ minħabba l-politika dwar l-inklużjoni.
F’istqarrija ntqal li Mallia twaqqaf minn xogħlu minħabba kwistjonijiet maniġerjali u proċeduri li ilhom jinstemgħu u li ma ġewx riżolti.
Ġie rrimarkat li, għal bosta snin, il-Provinċja Dumnikana Maltija sostniet finanzjarjament u b’diversi modi oħra l-operat tal-Kulleġġ, anke fiż-żmien meta s-Sur Mallia kien surmast.
Intqal ukoll li l-Bord tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir dejjem kellu għal qalbu kwalunkwe sistema li ttejjeb il-ħajja tal-istudenti, tal-familji, u tal-edukaturi kollha, inklużi politiki ta’ inklussività li dejjem ħaddnet u li se timbotta ’l quddiem fis-snin li ġejjin bl-istess viżjoni u perseveranza.
Il-Bord tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir qal li jħoss li mhuwiex opportun li jiddiskuti fil-pubbliku dak li seħħ.