Tħabbar investiment ta’ €140,000 għal faċilitajiet ġodda fiċ-ċentru ta’ matul il-jum Dar Padova f’Għajnsielem. Dan l-investiment se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja għall-anzjani bid-dimensja li jgħixu fil-komunità.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar dan l-investiment waqt li kien qed iżur ix-xogħlijiet li qed isiru f’dan iċ-ċentru, li joffri wkoll xelter lill-anzjani matul il-lejl.
L-investiment se jkun qed jara l-ftuħ ta’ kliniċi ġodda fosthom outreach clinic ġdida li se jibda joffri servizz ta’ klinika vaskulari, podoloġija, occupational therapy, psikoterapija, interventi relatati mad-dimensja u oħrajn. Se jsir ukoll l-immodernizzar ta’ faċilitajiet eżistenti bil-għan li jkomplu jissaħħu s-servizzi marbuta mal-kura tal-anzjani f’Għawdex.
Il-Ministru Abela Semma’ kif Dar Padova kienet ta’ soljev għal ħafna Għawdxin tul dawn l-aħħar sitt snin, u saħaq li l-Gvern se jkompli jimpenja ruħu biex iżomm u saħansitra jtejjeb il-livell ta’ kura li tingħata.
Huwa kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità Renzo Degabriele u mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Istandards għall-Kura Soċjali Lisa Cassar Shaw li lkoll tkellmu mal-anzjani li jiffrekwentaw dan iċ-ċentru