Fl-okkażżjoni tal-ftuħ uffiċjali tal-festa solenni ta’ San Lawrenz wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija, il- W.R Kapitlu tal-Kolleggjata ta’ San Lawrenz tal-Belt Vittoriosa, bil-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni Kottonera li wkoll iffinanzjat dan il-proġett, nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Lulju fit-8.30pm, ser jippreżentaw il-premiere tal-Oratorju Muzikali “Dawl Jiddi dija Jismu l-Kbir Laurentius”.
Il-Kolleġġjata tal-Birgu tiġbor fiha ġrajja ta’ poplu li matul iż-żmien sawwar l-istorja ta’ pajjiż. Diversi kulturi li ħallew il-marka tagħhom f’din il-Belt Rebbieħa, ġrajjiet li fihom tlifna u ġensna beka, imma hemm ġrajjiet ta’ ferħ u ta’ rebħ minsuġin fis-swar godlija tagħha, ġrajjiet illi sawru wkoll l-istorja ta’ dan il-pajjiż sovran. Il-Belt Vittoriosa ddedikata lil San Lawrenz Levita u Martri, l-ewwel parroċċa wara l-Knisja Katidrali tal-Imdina tiġbor fiha d-devozzjoni lejn id-Djaknu Martri ta’ Ruma. Dan il-qaddis għażiż kemm għall-Knisja Kattolika kif ukoll għal dik Ortodossa huwa punt komuni fiċ-ċelebrazzjoni bejn żewġ liturġiji li jiġbor il-kult Kristjan u miegħu jiġbor il-karità nisranija fis-sens kollu ta’ Djakonija u servizz ta’ qadi. Mal-wasla f’Malta tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-1530, il-knisja ta’ San Lawrenz saret il-knisja Konventwali tagħhom u żgur din kienet għażla li tmur mal-għan u l-iskop tal-Ordni għas-servizz “tas-sinjuri tagħna l-morda” u l-foqra. Hekk għamel San Lawrenz, qassam u ta lill-foqra.
Dan l-Oratorju għandu lirika tal-kittieb u poeta Vittoriosan Ġorġ Peresso u kompożizzjoni oriġinali tas-surmast Andrew Lawrence Zarb, li ser ikun ukoll qed jidderieġi dan ix-xogħol vokali u strumentali. Dan ix-xogħol jinvolvi kor u orkestra ta’ natura kbira u moderna bħal dik tal-films, fejn Zarb, bħala kompożitur żagħżugħ u modern, waħħad dak li huwa tradizzjonali ma’ dak ta’ żmienna bl-għan li jmiss il-qlub tal-ġenerazzjonijiet kollha b’ mod speċjali dik żagħżugħa.
L-Oratorju jirrakkonta l-aħħar erbgħa t’ ijiem mill-ħajja ta’ San Lawrenz. Din il-Cantata nibtet fuq idea tar-Rev. Kan. Stephen Attard, Segretarju tal-Kapitlu wara li l-W.R Arċipriet Carmelo Busuttil ikkummissjona lis-surmast Zarb akkademja fuq livell għoli kif jixraq lill-istess Kolleġġjata. Infatti l-lirika ta’ dan l-Oratorju, ġiet ibbażata fuq l-innu Akáthistos ta’ dan il-Qaddis Levita. L-Akáthistos, huma innijiet li ġejjin mit- tradizzjoni Biżantina fejn hemm għadd ta’ innijiet imsejjħa Akáthistos, jiġifieri innijiet li jitkantaw waqt illi l-fidili jibqgħu bilwieqfa.
L-ewwel parti ta’ dan l-Oratorju tiddeskrivi l-persekuzzjoni Rumana kontra l-ewwel insara u l- biża’ li kellu l-Imperatur Valerjanu minn San Lawrenz. Din ser tkun interpretata mit-Tenur stabbilit Charles Vincenti. Warajha tidħol it-tieni xena, dik ta’ meta Lorenzu ltaqa’ mal-Papa Sistu II, fejn ser tinstema aria mill-Baritonu magħruf Alfred Camilleri bħala San Sistu II. Wara l-element tal-arrest ta’ Lorenzu, jinħass sens ta’ biża’ u inċertezza li jsib il-wens tiegħu f’ Matrona Pietatis, it-tielet tema, li ser tkun interpretata’ mis-sopran artistika Rosabelle Bianchi, fejn fil-melodija ħelwa tagħha tiddeskrivi l-virtujiet ta’ Laurentius.
Il-kompożitur Zarb imbagħad fir-raba’ xena jagħtina stampa tremenda tal-martirju bil-ħoss tan-nar ifieġġeġ, il-ħadid tal-gradilja, it-tbatija u dak li jġib miegħu martirju kiefer bħal dan. Għalkemm il-martirju huwa element attroċi, minnu toħroġ melodija li tqanqal, kantata minn Aldo Busuttil fil-karattru prinċipali ta’ Laurentius, kantant tenorili magħruf ferm fix-xena lokali u anke barra minn xtutna. Isegwi hawnhekk, bl-Allelulia il-Kor Cappella Ceciliana, li ser ikun taħt id-direzzjoni tad- direttur Abraham D’ Amato. Wara l-Allelulia, t-temi jwassluna għall-Gran Final, li fih ser ikun hemm xi ħaġa oriġinali li sa issa għadha qatt ma ntużat f’ kompożizzjonijiet bħal dawn.
Ta’ min jghid ukoll, li bħala preludju għal dan l-Oratorju, ser jindaqqu wkoll tlitt Antifoni ta’ San Lawrenz. L-Antifona ta’ Paolo Nani Levita Laurentius li nstabet fl-arkivju tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata, mill-kompożitur u orkestratur Andrew Lawrence Zarb, li daħal għall-biċċa xogħol illi jimla n-nieqes li kien fiha. Din l-antifona ser nerġgħu nisimugħa tirxoxta għal din l-okkażjoni wara ħafna snin minsija.
Ser tindaqq ukoll l-Antifona ta’ Paolino Vasallo, li ghal diversi snin kien il-Maestro di Cappella tal-Kolleggjata. Din l-Antifona hija maghrufa bhala Antifona di San Lorenzo per la Translazione. Din tindika biċ-ċar li kienet tindaqq fit-Translazzjoni tal-Festa. Finalment ser tindaqq l-Antifona Levita Laurentius li hija tant għal qalb il-poplu tal-Birgu, dik tal- Kanonku Luigi Fenech, li kien ukoll Kanonku effettiv fl-Istess Kolleġġjata.
Is-Serata ser titmexxa minn Lisa Libreri u Maria Cassar Inguanez. Qabel jibda l-Oratorju, l-awtur stess u l-kompożitur Andrew Lawrence Zarb , George Peresso, ser ikunu qed jaghtu taghrif dwar il-lirika u l-kompożizzjoni ta’ l-istess Cantata.
Din is-Serata Mużikali unika, tiġi fi tmiemha bl-Innu Popolari lil San Lawrenz, kompożizzjoni ta’ Mro. Lorenzo Galea. Id-dħul huwa bla ħlas.