Malta kisbet eżenzjoni minn regolament obbligatorju tal-Kummissjoni Ewropea biex l-Istati membri tal-Unjoni Ewropea jnaqqsu sostanzjalment l-użu tagħhom tal-gass f’każ ta’ emerġenza fis-sigurtà tal-provvista.
B’dan il-pjan, li tħabbar il-ġimgħa l-oħra mill-Kummissjoni Ewropea, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea se jnaqqsu 15 fil-mija tal-enerġija tagħhom mill-gass minn Awwissu sa Marzu li ġej.
Dan tħabbar mill-Ministru responsabbli mill-Enerġija, Miriam Dalli, wara li ħadet sehem f’laqgħa straordinarja tal-Ministri tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea fi Brussell.
Waqt din il-laqgħa, il-Ministru Dalli sostniet li l-pożizzjoni ta’ Malta bħala gżira maqtugħa min-netwerk tal-gass Ewropew. Hija sostniet li, fil-każ ta’ Malta, il-qalba għal fjuwils alternattivi mhix għażla vijabbli, it-tnaqqis obbligatorju jkun ta’ detriment kemm għan-negozji u kif ukoll għall-familji.
“Pero, rajna li nikkonvinċu lill-kumplament tal-pajjiżi, lill-Kunsill, u lill-Kummissjoni Ewropea, dwar il-ħtieġa li Malta tkun eżentata mill-persentaġġ ta’ tnaqqis minħabba s-sitwazzjoni ta’ pajjiżna. Pajjiżna mhux magħqud mal-kumplament tal-grid Ewropew u ma ridniex, bl-ebda mod, li jkollna sitwazzjoni li tolqot ħażin lill-konsumaturi, lill-familji, u anki lin-negozji f’pajjiżna.”
Ġie nnutat kif, bil-kontra ta’ bosta Stati membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea, pajjiżna mhuwiex imqabbad man-netwerk Ewropew tal-gass u l-użu tal-LNG huwa ristrett għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Malta tirċievi l-kunsinni abbażi ta’ skeda permezz ta’ ftehim għall-provvista tal-gass.
Dan il-pjan maqbul mill-Kunsill tal-Ministri tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea huwa pjan ta’ emerġenza għall-provvista tal-enerġija madwar l-Unjoni Ewropea, hekk kif hemm il-biża’ li, fix-xitwa, fl-aktar żmien meta jkun hemm domanda għall-enerġija, ma jkunx hemm biżżejjed provvista ta’ dawl.
Il-Ministru Miriam Dalli saħqet li l-fatt li Malta m’għandhiex aċċess għad-distribuzzjoni Ewropea tal-gass ma jfissirx li hija ħielsa mill-ispejjeż finanzjarji li qed tesperjenza l-Ewropa. Hija sostniet li pajjiżna jrid ikompli jaħdem għax din is-sitwazzjoni ċertament mhix “business as usual”.
Hija spjegat li, biex tilħaq id-domanda tal-elettriku tagħha, Malta tiddependi parzjalment fuq l-Italja. Hemmhekk, il-prezzijiet għolew għal €650 għal kull MegaWatt fis-siegħa.
Il-Ministru qalet li l-gvern Malti qed jassisti lin-negozji u lill-familji biex il-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu stabbli fi żmien ta’ kriżi tal-enerġija madwar l-Ewropa.
Dawn ir-realtajiet juru l-importanza li n-netwerks Ewropej tal-enerġija jinqalbu għall-idroġenu. F’pajjiżna għaddejja ħidma biex ikollna żieda akbar ta’ enerġija rinovabbli u ssir il-qalba lejn enerġija aktar nadifa.
Il-Ministru Dalli saħqet fuq il-ħtieġa ta’ aktar fondi Ewropej favur proġetti innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli, inkluż fil-Mediterran, biex joħolqu opportunitajiet ta’ investiment f’teknoloġiji fuq il-baħar.
Waqt dan il-Kunsill straordinarju, Malta ngħaqdet mal-kumplament tal-Istati membri biex twassal messaġġ ta’ solidarjetà biex tonqos id-domanda tal-elettriku.
Dan il-ftehim wasal ftit tas-sigħat wara li l-kumpanija Russa Gazprom, li hija kkontrollata mill-istat Russu, ħabbret li minn nhar l-Erbgħa se tnaqqas tlieta u tletin miljun metru kubu mill-provvista ta’ gass mill-pipeline Nord Stream 1 – l-akbar pipeline li jwassal il-gass mir-Russja lejn l-Ewropa.
AQRA AKTAR: