Waqt skambju ta’ fehmiet ma’ Google u Facebook dwar “Midja soċjali, l-internet u strateġija kontra t-terroriżmu”, l-MPE tal-S&D Marlene Mizzi kellha dibattitu dwar l-isfidi biex nassiguraw li l-internet u l-midja soċjali ma jintużawx bħala pjattaforma għall-propaganda tat-terroristi u għad-diskors ta’ mibgħeda online.
L-MPE Mizzi qalet li llum il-ġurnata l-użu tal-internet u l-midja soċjali huwa probabbli l-aktar għodda b’saħħitha użata mill-organizzazzjonijiet terroristiċi biex iwasslu l-propaganda tagħhom, jippromwovu l-ideoloġiji tagħhom, jirreklutaw persuni ġodda, jiġbru l-fondi u anke jikkordinaw l-attakki.
L-Ewroparlamentari Mizzi hija konvinta li l-media soċjali u l-internet għandna nużawhom għall-vantaġġ tagħna biex nimplementaw strateġiji kontra t-terroriżmu, li jistgħu jgħinu għas-sigurtà tal-pubbliku billi jipprevjenu t-terroriżmu, jipproteġu lill-pubbliku u jsegwu lil min iwettaq ir-reati.
Marlene Mizzi qalet li, filwaqt li inizjattivi simili jidhru bħala idea tajba, il-mistoqsija hija kemm jistgħu jgħinu l-kumpaniji privati fl-isfond tat-teknoloġija li qed tinbidel radikalment u l-attitudni tal-pubbliku lejn aktar sorveljanza, id-drittijiet fundamentali u l-infurzar tal-liġi.
F’dan ir-rigward, l-MPE Mizzi qalet li qafas regolatorju b’saħħtu fuq livell Ewropew jista’ jgħin biex jitrażżan l-użu tal-internet minn organizzazzjoni jihadisti, jissaħħu l-isforzi kontra r-radikalizzazzjoni, u jiġi llimitat l-aċċess tagħhom għall-fondi.
“Aktar minn hekk, meta kumpaniji u pjattaformi oħrajn online jinnotaw kontenut illegali terroristiku, huma jridu jinformaw minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej biex issir investigazzjoni meħtieġa,” ikkummentat Marlene Mizzi.