Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna qed tħalli l-effetti tagħha fis-settur tal-enerġija.
F’analiżi li għamlet il-gazzetta KullĦadd intqal kif esperti fis-settur qed jgħidu li din hi waħda mill-akbar kriżijiet tal-enerġija li jiftakru u s-sitwazzjoni tista’ tiggrava, tant li qalu kif din hija l-agħar kriżi tal-enerġija estrema fl-Ewropa.
Dawn l-esperti qed isostnu kif l-Ewropa qed taffaċċja l-possibilità li ma jkollhiex biżżejjed gass meta l-aktar li jkollha bżonn, jiġifieri fil-perjodu kiesaħ tax-xitwa.
Fl-aħħar jiem, il-Kummissjoni Ewropea għamlet ftehim mal-Ażerbajġan, li hu maħsub li jkabbar l-importazzjoni tal-gass naturali minn dan il-pajjiż għal mill-inqas għoxrin metru kubu fis-sena fuq perjodu ta’ ħmistax-il sena.
Dan se jwassal biex tonqos id-dipendenza Ewropea fuq il-provvista ta’ fuels importanti mir-Russja.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen iddeskriviet lill-Ażerbajġan bħala sieħeb ewlieni fl-isforzi tal-Unjoni Ewropea biex ma tibqax tiddependi fuq il-fjuwils fossili Russi.
Apparti minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret pjan ta’ emerġenza bil-għan li tnaqqas l-użu tal-gass bi ħmistax fil-mija fid-disa’ xhur li ġejjin.
Fl-aħħar jiem, il-President Franċiż Emmanuel Macron għamel diversi appelli biex fejn jistgħu, in-nies jitfu d-dawl biex jiffrankaw kemm jistgħu.
F’partijiet tal-Ġermanja wkoll ittieħdu numru ta’ deċiżjonijiet, fosthom billi ċertu bliet ibaxxu jew inaqqsu d-dwal f’postijiet pubbliċi.
F’din l-analiżi, il-KullĦadd innutat kif l-inflazzjoni u l-enerġija jinsabu fuq nett tal-aġenda tal-pajjiżi madwar l-Ewropa.
Riċentament, f’intervista li kellu, il-Prim Ministru Robert Abela sostna kif f’dawn il-mumenti ta’ sfidi internazzjonali, il-Gvern irid isostni lill-pensjonanti, lill-familji u lin-negozji.
Qal, “Meta ġie dak il-mument tal-bżonn, aħna stajna nibqgħu ngħinu lin-nies u lin-negozji u anke issa li qegħdin f’dan il-mument ta’ pressjonijiet internazzjonali ġodda, hekk ukoll nistgħu nibqgħu ngħinu lin-nies bil-mod b’saħħtu li qed nagħmlu bħalissa, proprju għaliex għandek tkabbir ekonomiku li huwa wieħed b’saħħtu.”