Esperjenza unika għal Claire Azzopardi, atleta tal-long jump Maltija, li kkompetiet fis-sigħat li għaddew fil-Kampjonati tad-Dinja li qed isiru f’Oregon, l-Istati Uniti. L-aqwa qabża tagħha kienet ta’ 5.79m li poġġietha fil-25 post fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni.
L-aqwa qabża kienet tal-Amerikana Quanesha Burks b’6.86m, segwita minn Malaika Mihambo tal-Ġermanja, b’żewġ ċentimetri inqas. Din il-parteċipazzjoni fost l-aqwa nisa fid-dinja fil-long jump se sservi ta’ esperjenza importanti għal Azzopardi hekk kif tkompli tiżviluppa l-karriera tagħha f’dan l-isport, bit-tama li tkompli twassal aktar sodisfazzjon għal pajjiżna f’avvenimenti internazzjonali fil-futur.