Għal sena oħra ngħata bidu għall-fiera ‘I Choose – Nagħżel il-Karriera Tiegħi’ ndirizzatha għal dawk l-istudenti li jkunu temmew l-edukazzjoni obbligatorja tagħhom u jkunu qed jaraw x’karriera se jaqbdu.
Din il-fiera qed issir propju wara li ħarġu r-riżultati tal-eżamijiet tas-SEC fl-aħħar ġimgħat sabiex toffri l-aħjar opportunità ta’ gwida għall-istudenti.
L-avveniment li qiegħed jittella f’lukanda ewlenija fil-Furjana qiegħed jilqa’ fih istituzzjonijiet u entitajiet edukattivi postsekondarji taħt saqaf wieħed sabiex l-istudenti jfittxu parir bl-aħjar kumdità.
Qegħdin isiru wkoll numru ta’ preżentazzjonijiet minn professjonisti mis-settur privat u dak pubbliku li jaħdmu f’setturi varji biex jassistu wkoll lill-ġenituri fil-gwida li jagħtu lil uliedhom.
Dorianne Gravia li hija l-uffiċjal Edukattiv fi ħdan il-Ministeru responsabbli mill-edukazzjoni spjegat l-importanza li l-istudent jagħmel l-għażla tiegħu meta jkun mgħarraf fuq kull triq li għandu quddiemu.
“Għaliex xi kultant student, anki l-ġenituri tagħhom ukoll jistgħu jitgerrxu ftit f’din it-triq fejn wieħed jew waħda se tagħżel il-karriera tagħha. Għaldaqstant, meta student javviċina xi ħadd professjonali li jista’ jgħinu jagħmel għażla aħjar, iktar għażla nfurmata.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima esprima s-sodisfazzjon tiegħu hekk kif innota l-konkorrenza tal-istudenti u familjari għal din il-fiera.
Huwa spjega wkoll li qiegħed jingħata servizz minn għalliema tal-guidance apparti mill-professjonisti fl-oqsma diversi.
“Għandek anki l-għalliema tal-guidance liema għalliema qegħdin hawnhekk sabiex jagħtu pariri siewja kemm lill-istudenti u anki lill-familjari tagħhom għal dik li hija għażla importanti, għażla li ħa tkun qed tgħin sabiex wieħed jieħu l-karriera li jħoss li hija idoneja għalih.”
B’rabta ma’ dan l-istudenti u l-familjari huma mħeġġa jaċċessaw aktar informazzjoni fuq is-sit exploreproject.eu. Hemmhekk wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni korsijiet differenti u filmati qosra dwar setturi differenti biex iservu ta’ gwida.