Bosta sajjieda qed jagħmlu użu minn apparat li jipproteġilhom ix-xbieki tagħhom mid-dniefel hekk kif kienu qed jispiċċaw iqattgħuhom jew saħansitra jieklu l-qabda tas-sajjieda ta’ kuljum tagħhom.
Dwar dan l-apparat ONE News tkellimna mas-sajjied Jesmark Scicluna.
Is-Sajjied Jesmark Scicluna qal kif l-apparat li jitwaħħal max-xbieki, li għandu forma ta’ tubu u jitrasmetti ħsejjes biex igerrex id-dniefel lill hin mill-ixbieki tal-ħut, qed iħalli l-frott.
“Ikeċċihom għax id-Denfil joħdilna l-ħut u jqattalna x-xibka, jiġifieri dan meta jkeċċih, aħna s-sajda, l-ħut li jkun weħel ħa naqbduh u mhux se joħodulna d-denfil u apparti minn hekk mhux ħa nsibu l-ħsara li jagħmel id-denfil li hija naqra sostanzjali.”
Mhux l-ewwel darba li sajjied jagħmel jiem sħaħ fuq il-baħar jistad u jispiċċa bix-xibka mqatta’, wara li d-dniefel ikunu għamlu ħerba minnhom biex jieklu l-ħut li jkun fihom.
Is-sajjied qal liema ħut huwa l-aktar li jikkaċċja d-denfil, l-istess li jistadu għalih.
“Aktar ifittex ħut bħal Merluzzi, Trill, Kavalli, ħut li normalment jikkaċċja fuqu u li ma fih il-perikli tagħhom. Il-ħut kollu għandu d-difiża tiegħu, issa hu jfittex l-inqas li ħa jweġġa’ magħha biex jikolha.”
Għalhekk, permezz ta’ dan il-proġett, is-sajjieda jistgħu joħorġu għas-sajd b’serħan il-moħħ li apparti jtellgħu s-sajda, ma jispiċċawx bi spejjeż żejda ta’ xbieki mqattgħin.
Dan l-apparat ma jagħmilx ħsara l-ambjent tal-baħar u fuq kollox id-dniefel infushom.