Jordan Azzopardi ta’ 32 sena, magħruf bħala ‘El Chapo’ ta’ Malta, nżamm arrestat b’rabta ma’ traffikar u pussess ta’ droga.
Dan wara li lbieraħ ġie arrestat fil-Madliena wara li pprova jaħrab minn fuq il-post.
Is-Sibt filgħodu Azzopardi tressaq il-Qorti, b’sigurtà stretta.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Alfredo Mangion, qalet fil-Qorti kif il-Ġimgħa l-Pulizija daħlitilha informazzjoni dwar karozza li seta’ kellha d-droga fiha. Wara li marru fuq il-post żewġ karozzi tal-pulizija nterċettaw il-vettura li kien allegatament qed isuq Azzopardi tat-tip BMW X3 wara ġirja bil-karozzi.
Waqt li kien qed jipprova jaħrab mill-Pulizija, il-Prosekuzzjoni spjegat li Azzopardi laqat karozza li kellha mara bit-tfal fiha.
L-Ispettur qal li l-imputat intlemaħ jarmi pakkett mill-karozza. Huwa spjega wkoll kif is-sustanza nstabet li kienet kokaina u kienet ġo borża tal-plasik mgeżwra f’borża tal-karti. B’kollox il-kokaina f’din il-borża wiżnet 130 gramma.
Id-Difiża ma kkontestatx il-validità tal-arrest.
B’hekk Jordan Azzopardi ġie mixli b’pussess u traffikar ta’ droga, sewqan perikoluż u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ reat preċedenti. B’kollox huwa ġie mixli bi 13-il akkuża.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Azzopardi wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest ta’ Azzopardi iżda rriservat id-dritt li tagħmel dan fl-istadju opportun. Hija talbet ukoll biex jekk kien hemm pulizija pajżana, dawn jixhdu mill-aktar fis.
Id-Difiża oġġezzjonat ukoll għat-talba tal-Prosekuzzjoni biex ikun hemm l-iffriżar tal-assi tal-imputat. Madankollu t-talba kienet milqugħa mill-Qorti u ssekwestrat diversi assi ta’ Azzopardi.
Għaldaqstant, il-Qorti żammet lil Azzopardi taħt arrest.