Is-sħana li kulma jmur qed tiżdied, iżżid l-attività tal-fkieren tal-baħar viċin il-kosta Maltija, hekk kif huwa f’dan il-perjodu tas-sena, li dawn il-ħlejjaq marittimi, jitilgħu fuq il-bajjiet biex ibidu l-bajd fir-ramel.
Aktar kmieni dan is-sajf ġie ppubblikat studju dwar il-fkieren, u ONE News tkellem ma’ wieħed mill-awturi, il-President tan-Nature Trust, Vincent Attard.
Huwa spjega li peress li t-temperaturi għolew aktar kmieni mis-soltu, il-fkieren bdew telgħin l-art biex ibidu l-bajd aktar tard, u dawn qed jiġu mħarsa u protetti.
Attard spjega li l-istudju juri kif ir-rijabilitazzjoni tal-fkieren li jinstabu madwar il-kosta Maltija hija waħda effettiva, hekk kif fkieren b’saqajn neqsin ġew osservati jduru l-Baħar Mediterran bl-istess mod li jduru fkieren normali.
Qal, “Tawna ħafna informazzjoni tal-foraging grounds u tawna informazzjoni wkoll fost l-oħrajn, dwar fekruna li domna insegwuha tmintax-il xahar sakemm damet il-batterija. Din kellha sieq nieqsa, fil-fatt telgħet Malta, Sqallija u l-Italja, reġgħet ġiet Malta, niżlet it-Tuneżija, marret il-Libja u Sardenja, u anke kellna fkieren li marru Barċellona, jiġifieri turi li dawn jimxu fi ftit xhur u jduru u jibqgħu jieklu bħall-fkieren l-oħra.”
Għalhekk, l-appell tan-Nature Trust huwa biex aktar mis-soltu, kull min iżur il-bajjiet Maltin u Għawdxin jieħu ħsiebhom, billi fost l-oħrajn ma jħaffirx ħofor fir-ramel, hekk kif hawn jistgħu jinqabdu fihom il-fkieren.
Qal, “Nappellaw ukoll sabiex ma jħallux skart fil-bajjiet ħalli ma jitgerbux fihom, u anke jekk jaraw fekruna, iċemplulna fuq ir-rescue line sabiex aħna nkunu nistgħu mmorru aktar malajr, u nkunu nafu fejn hi l-bejta sabiex nipproteġuha aħna. Aħna t-tir tagħna u anke tal-ERA mhux li nagħlqu l-bajja, imma li nagħlqu l-biċċa biss fejn biedet il-fekruna.”
Jekk wieħed jara xi fkieren fil-baħar li għandhom bżonn l-għajnuna, jew anke xi bejtiet fir-ramel, jista’ jċempel lit-tim tas-salvataġġ tan-Nature Trust fuq 9999 9505.