Tlesta x-xogħol fuq il-proġett tal-pont għall-mixi bejn il-Marsa u Ħal Qormi.
Dan il-pont pedonali fi Triq it-Tiġrija fil-Marsa, qed joħloq aċċess aħjar u jżid is-sigurtà għan-nies li jimxu jew isuqu r-rota biex jaqsmu bejn il-Marsa u Ħal Qormi.
Fl-ewwel fażi tax-xogħlijiet minn Infrastruttura Malta, tlestiet l-istruttura ewlenija tal-pont, twila tletin metru, filwaqt li fit-tieni fażi tax-xogħlijiet tlestiet il-parti l-oħra tal-pont, twila tlieta u għoxrin metru.
It-tliet torrijiet li fuqhom hemm iserrħu ż-żewġ pontijiet jinkludu turġien u liftijiet spazjużi biex ikunu aċċessibbli għal kulħadd.
Huma mgħammra bid-dwal u kameras tas-sigurtà biex jiżguraw is-sigurtà pubblika.
L-aġenzija Infrastruttura Malta installat ukoll sistemi ġodda ta’ tisqija u ħawlet numru ta’ siġar, arbuxelli u pjanti.
Il-Perit Raphael Abdilla spjega kif dan il-pont se jsolvi problem tal-passat u jiżgura s-sigurtà ta’ kull min jużah.
Qal, “Qabel kien hawn problema kif jaqsmu. Għexieren ta’ snin ilu kienet infetħet il-Marsa Ħamrun Bypass li hija parti mit-TEN-T network u hekk qegħdin f’punt fejn erġajna ġibna dik il-kullana bejn residenti ta’ Marsa ma’ dawk ta’ Ħal Qormi. Sar ukoll tisbiħ ambjentali, l-areas li kien hawn ġew żviluppati u riġenerati u għamilna diversi investimenti f’siġar ġodda, turf u hekk l-area ġiet ħolistikament imtejba.”
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia spjega li dan il-pont fih għan prinċipali, li jservi bħala trasport alternattiv għall-Marsin u l-Qriema.
Qal, “Dan huwa l-footbridge li jgħaqqad il-parti tal-Marsa ma’ dik ta’ Ħal Qormi. Qed jintuża dan l-investimet importanti ta’ 3.5 miljun ewro għal żewġ raġunijiet partikolari. L-ewwel waħda għas-sigurtà għax issa n-nies jistgħu jużaw dan il-footbridge li huwa kkumplimentat b’lift u anka turġien imma wkoll biex in-nies ikunu jistgħu jużaw il-multi model shift allura trasport alternattiv.”
Ix-xogħol fuq dan il-proġett sar b’investiment ta’ tliet miljuni u ħames mitt elf ewro.