Fl-uffiċini tal-aġenzija LESA, fil-Fgura, ġie ffirmat ftehim kollettiv għall-perjodu ta’ ħames snin għall-ħaddiema tal-aġenzija; ftehim li se jolqot lil madwar mija u tletin ħaddiem.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA, Svetlick Flores, qal li mill-2018, meta din l-aġenzija ġiet taħt il-Gvern, sar ħafna investiment, kemm fl-apparat u kif ukoll fil-ħaddiema.
Huwa qal li dan huwa t-tieni ftehim kollettiv mill-2018 ’l hawn, u huwa pass ieħor favur il-ħaddiem.
“Dan il-ftehim kollettiv, primarjament, li għandek garanzija ta’ ħames snin, jiġifieri għandek rotta u sigurtà għall-ħaddiem li jaf, fin-numru ta’ snin li ġejjin, sa fejn se jasal. Dan huwa pakkett finanzjarju b’saħħtu lejn il-ħaddiem, li fl-aħħar mill-aħħar huwa xi ħaġa monetarja li se jieħu lill-familja tiegħu u se jiġi kkumplimentat imbagħad ma’ affarijiet oħra u benefiċċji oħra li jingħataw kemm fil-ftehim kollettiv, kif ukoll wara l-ftehim kollettiv.”
Preżenti għall-iffirmar kien hemm il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, li qal li b’dan il-ftehim qed jitjiebu d-drittijiet u l-kundizzjonjiet tal-impjegati tal-LESA.
Il-Ministru Camilleri qal li, fl-aħħar żmien, il-Ministeru għall-Intern tejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-forzi dixxiplinarji u qed isir l-istess issa mal-ħaddiema tal-aġenzija LESA.
Huwa semma l-importanza tal-investiment fl-apparat, iżda wkoll huwa importanti wkoll li jsir investiment fir-riżorsi umani.
Preżenti għal dan il-ftehim kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja.