Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-istati membri tal-Unjoni Ewropea sabiex, bejn Awwissu u Marzu li ġej, inaqqsu ħmistax fil-mija tal-provvista tal-enerġija tagħhom.
L-Erbgħa waranofsinhar, il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen ħabbret pjan ta’ emerġenza għall-provvista tal-enerġija madwar l-Unjoni.
Dan minħabba li l-provvista tal-enerġija tinsab mhedda hekk kif il-Gvern Russu qal li se jkompli jnaqqas, jew saħansitra anki jwaqqaf. il-provvista tal-gass li ġejja mill-akbar pipeline li jwassal l-enerġija lejn l-Ewropa, dak tan-Nord Stream 1.
Ir-Russja qed thedded b’dan il-mod wara li l-Unjoni Ewropea imponiet diversi sanzjonijiet fuqha, kawża tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna.
Mill-pipeline Nord Stream 1 jitwassal lejn l-Unjoni Ewropea terz tal-enerġija permezz tal-gass. Kawża tal-gwerra l-provvista tal-gass fil-pajjiżi Baltiċi, fil-Polanja, fil-Bulgarija, u fil-Finlandja twaqqfet kompletament. Dan filwaqt li l-provvista tal-gass lejn il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Olanda, u l-Italja riċentament tnaqqset sew.
It-tnaqqis tal-provvista tal-gass mir-Russja qed jaffettwa lil kważi nofs l-Istati membri tal-Unjoni Ewropea. Dan qed iwassal biex il-prezzijiet tal-enerġija splodew ’il fuq, tant li skont l-aħħar statistika tal-EUROSTAT, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija madwar l-Ewropa hija ta’ 42 fil-mija.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li din il-miżura biex jitnaqqas l-użu tal-gass fl-Unjoni Ewropea se tgħin għaż-żmien tax-xitwa, meta madwar il-kontinent l-iżjed li tintuża enerġija minħabba l-kesħa.
Qalet, “Now we have learnt our lesson from the pandemic, we know that in such time of a crisis our worst enemy is fragmentation and, if we act in unity, we can address any crisis.”
Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tgħid ukoll li l-Unjoni Ewropea tista’ ddaħħal din il-mira b’mod obbligatorju, f’każ li l-Unjoni Ewropea ma jkollhiex provvista biżżejjed ta’ gass ġej il-kontinent Ewropew.
Din il-kriżi fl-enerġija fl-Unjoni Ewropea wasslet biex jogħlew il-kontijiet tad-dawl għall-maġġoranza assoluta tal-familji Ewropej.
Is-sħana li qed taħkem il-kontinent Ewropew mhux qed tgħin sabiex tinżamm maħżuna provvista ta’ gass għax-xitwa. Dan kaġun tat-temperaturi għoljin f’livelli rekord.
Madwar l-Ewropa żdiedet id-domanda għall-enerġija, meta mqabbel man-normal, biex il-familji Ewropej ikessħu d-djar tagħhom minħabba s-sħana.